Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1213

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina: ir-rwol tas-soċjetà ċivili (opinjoni esploratorja)

ĠU C 317, 23.12.2009, p. 15–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 317/15


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina: ir-rwol tas-soċjetà ċivili

(2009/C 317/03)

Rapporteur: is-Sur ZOLTVÁNY

F’ittra tat-2 ta’ Settembru 2008, is-Sinjura Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u s-Sur Olli Rehn, Kummissarju għat-Tkabbir, talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 9 tal-protokoll ta’ kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea, biex ifassal opinjoni esploratorja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina: ir-rwol tas-soċjetà ċivili.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Patrik Zoltvány.

Matul l-455 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Lulju 2009 (seduta tas-16 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’147 voti favur, vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-opinjoni

1.1.   Ir-rakkomandazzjonijiet għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea (UE):

L-inkoraġġament għall-gvern tal-Bożnja u Ħerzegovina (BiH) fit-tfassil ta’ strateġija għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili (1).

Żieda fl-appoġġ anke f’termini finanzjarji lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerżegovina, sabiex tinżamm l-indipendenza tagħhom mill-gvern u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġetti li jwettqu.

Il-ħolqien ta’ skemi ta’ għajnuna finanzjarja iktar xierqa u effikaċi sabiex jitqassru l-proċeduri twal ta’ applikazzjoni u teħid tad-deċiżjonijiet. Dan japplika wkoll għall-faċilità ġdida mwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tippromwovi l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-djalogu. Għandu jkun hemm għajnuna għal firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet interessati u din għandha tkun flessibbli biex twieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom.

Tħaffif tan-negozjati dwar reġim ħieles mill-viżi u appoġġ attiv għall-konformità ma’ standards tekniċi u standards oħra.

Issir distinzjoni bejn l-NGOs u l-imsieħba soċjali fejn jidħlu l-ħolqien u l-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ għajnuna.

Appoġġ għall-programmi ffokati fuq l-iżvilupp tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali biex tissaħħaħ il-ħila tagħhom għal djalogu soċjali effettiv.

Appoġġ attiv għad-djalogu soċjali u ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina.

Parteċipazzjoni bħala intermedjarju attiv fit-tfassil tal-kostituzzjoni l-ġdida.

L-insistenza fuq l-implimentazzjoni tat-testi internazzjonali li ġew ratifikati u tal-kostituzzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina, u l-assigurazzjoni li l-organizzazzjonijiet tat-trade unions u ta’ min iħaddem jistgħu jirreġistraw skont bażi legali li permezz tagħha jistgħu joperaw b’mod effettiv.

Appoġġ b’mod sistematiku għal dawk il-proġetti mmexxija minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jiffokaw fuq il-promozzjoni tal-idea ta’ integrazzjoni Ewropea fis-soċjetà inġenerali. Dibattitu sistematiku dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-integrazzjoni Ewropea għandu jinvolvi l-partijiet kollha soċjali, inkluża s-soċjetà ċivili.

Appoġġ għal proġetti maħsuba għat-trasferiment tal-għarfien tekniku u l-esperjenza mill-Istati Membri tal-UE lejn il-Bożnja u Ħerzegovina. Il-kontribut tal-Istati Membri l-“ġodda” miċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa jista’ jkun tabilħaqq ta’ valur miżjud. L-importanza ta’ “proġetti ta’ ġemellaġġ” għandha tingħata aktar rikonoxximent u appoġġ mill-istituzzjonijiet tal-UE. Il-faċilità l-ġdida stabbilita biex tippromwovi l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-djalogu tista’ tipprovdi appoġġ għal attivitajiet bħal dawn.

Għandu jkun possibbli li r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Bożnja u Ħerzegovina jżuru l-istituzzjonijiet tal-UE u jieħdu sehem f’konferenzi u avvenimenti organizzati mill-UE mingħajr ma jħallsu.

Tisħiħ tal-għajnuna għan-netwerks reġjonali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent u l-iżvilupp ta’ programmi reġjonali.

Kontinwazzjoni ta’ djalogu sistematiku ma’ donaturi oħra biex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina jingħataw għajnuna mmirata tajjeb, effiċjenti, effikaċi u f’waqtha.

Organizzazzjoni ta’ laqgħat regolari mar-rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex ikun hemm reazzjoni iktar flessibbili għall-aspettattivi u l-ħtiġijiet tagħhom.

1.2.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ser ifittex li:

joħloq Kumitat Konsultattiv Konġunt (JCC) bejn il-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina biex issir promozzjoni u jingħata appoġġ għad-djalogu ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina.

jieħu sehem attiv fil-programm il-ġdid ta’ djalogu msemmi “People to People”, li huwa mmexxi mid-Direttorat Ġenerali għat-Tkabbir tal-KE: il-KESE jista’ jħejji u jorganizza żjarat ta’ studju fl-UE (speċjalment fi Brussell) għar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Bożnja u Ħerzegovina.

jagħti l-opportunità lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina li jżuru l-KESE u jiffamiljarizzaw ruħhom mal-attivitajiet tiegħu.

1.3.   Ir-rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Bożnja u Ħerzegovina:

Żvilupp ta’ ambjent legali li jappoġġja s-soċjetà ċivili u b’hekk lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trade unions ukoll.

Żvilupp ta’ strateġija għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili: dan joħloq il-bażi għal soċjetà ċivili vijabbli bħala element meħtieġ għal soċjetà demokratika matura. L-istrateġija għandha tiġi żviluppata b’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Il-kontinwazzjoni ta’ djalogu sistematiku dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mar-rappreżentanti tagħhom. L-approċċ tal-gvern lejn is-soċjetà ċivili għandu jkun iktar inklussiv.

L-introduzzjoni ta’ diversi inċentivi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi inċentivi finanzjarji biex tingħata għajnuna għall-iżvilupp u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet tagħhom. Żvilupp ta’ skema ta’ għotjiet finanzjarji li tippermetti li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili japplikaw għal għotjiet iffinanzjati mill-baġit tal-istat.

Żieda fil-livell ta’ djalogu u kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi, li tiżgura r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Tissolva l-kwistjoni tar-reġistrazzjoni tal-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tal-BiH.

Appoġġ attiv għat-twaqqif tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali fil-livell tal-istat f’konformità mal-progress fil-ħolqien ta’ istituzzjonijiet fil-livell tal-istat li huma relatati ma’ dawn l-oqsma.

It-tħaffif tal-ħidma sabiex jintlaħqu l-kundizzjonijiet għal reġim ħieles mill-viżi.

L-introduzzjoni ta’ edukazzjoni għaċ-ċittadini dwar l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili.

1.4.   Ir-rakkomandazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Bożnja u Ħerzegovina:

Stimulazzjoni ta’ approċċi minn isfel għal fuq u awtoorganizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-appartenenza tas-soċjetà fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Tqajjim ta’ koxjenza dwar ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-proċess politiku.

L-iffaċilitar tal-ħolqien ta’ netwerks u sħubijijiet, jiġifieri skambju ta’ informazzjoni, għarfien tekniku u esperjenza.

Żieda fl-għarfien u l-fehim tal-integrazzjoni Ewropea, il-politiki tal-UE u l-istituzzjonijiet Ewropej.

It-tisħiħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

It-tħeġġiġ ta’ djalogu interetniku u interreliġjuż u żieda fil-livell ta’ kooperazzjoni, ħolqien ta’ netwerks u ġemellaġġi bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

2.   Sfond tal-opinjoni

2.1.   Il-miri tal-Unjoni Ewropea fil-Balkani tal-Punent

Il-Balkani tal-Punent huwa fost l-ewwel prijoritajiet reġjonali tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. Il-mira ewlenija tal-UE fil-Balkani tal-Punent hija ż-żieda fl-istabbiltà reġjonali u l-prosperità. It-tħejjija tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għal sħubija fl-UE tista’ titqies bħala mira daqstant ieħor importanti. Biex tinkiseb din tal-aħħar, l-UE qed tuża strumenti speċifiċi tal-preadeżjoni.

Il-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (SAP) inħoloq biex jgħin lill-pajjiżi tar-reġjun fi triqthom lejn sħubija fl-UE. Dan jinkludi djalogu politiku, preferenzi kummerċjali sinifikanti u għajnuna finanzjarja. Jinkludi wkoll it-twaqqif ta’ relazzjonijiet kuntrattwali komprensivi li għandhom jgħinu lill-pajjiżi tar-reġjun biex iħejju l-adeżjoni tagħhom fil-ġejjieni. L-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-demokratizzazzjoni huma wħud mill-għanijiet tal-SAP u huma mistennija li jikkontribwixxu favur l-istabbilizzazzjoni politika, ekonomika u istituzzjonali tar-reġjun. L-iffirmar tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) huwa meqjusa bħala pass importanti lejn sħubija fl-UE.

2.2.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Balkani tal-Punent

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) għandu rwol importanti fl-għajnuna għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fil-Balkani tal-Punent. Fl-2004 huwa waqqaf il-Grupp ta’ Kuntatt mal-Balkani tal-Punent, l-uniku korp speċifiku u permanenti tal-KESE li jieħu ħsieb dan ir-reġjun partikolari. Huwa jifforma parti minn firxa wiesgħa ta’ korpi oħra tal-UE f’dan il-qasam u jikkonċentra fuq il-valur mizjud li jista’ jġib lill-ħidmiet ġenerali tal-UE fuq dan is-suġġett.

Il-mira ewlenija tal-KESE fil-Balkani tal-Punent hija l-monitoraġġ tal-bidliet fil-qagħda politika, ekonomika u soċjali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, b’mod iktar speċifiku l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Thessaloniki u l-iżvilupp tal-SAP; il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent, u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali jew istituzzjonijiet simili, u l-inkoraġġiment u ż-żieda tal-iskambju tal-aqwa prattiki bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE u l-kontroparti tagħhom fil-Balkani tal-Punent.

3.   L-iżviluppi politiċi fil-Bożnja u Ħerzegovina

3.1.   Il-qagħda politika attwali

Il-proċess politiku fil-Bożnja u Ħerzegovina jibqa’ soġġett għall-effetti tal-gwerra u l-Ftehim ta’ Dayton, li stabbilixxiet stat indipendenti tal-Bożnja u Ħerzegovina kif nafuh illum. Forzi politiċi f’kompetizzjoni ma’ xulxin qed jissieltu biex jibbenefikaw mill-istruttura kostituzzjonali ta’ Dayton u fl-istess ħin jegħlbu l-limitazzjonijiet inerenti fiha. Il-ħtieġa għall-integrazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-gvern fil-BiH qed tiġi rikonoxxuta dejjem iktar mill-komunità internazzjonali, u mill-BiH stess, għalkemm l-appoġġ mill-istabbiliment politiku tal-entitajiet għal dan il-proċess, li huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu mmexxi internazzjonalment, huwa irregolari.

L-isfida politika ewlenija tal-pajjiż fis-snin li ġejjin se tkun ir-riforma kostituzzjonali, li mingħajrha jkun diffiċli li jsir iktar progress lejn stat iktar demokratiku u effiċjenti, barra mill-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma komprensiva u l-avviċinament lejn l-UE. Ir-riforma tal-ftehim kostituzzjonali ta’ Dayton ma tistax tiġi imposta minn barra, anke jekk il-komunità internazzjonali inġenerali u l-UE b’mod partikolari huma lesti li jgħinu. Din trid tkun ir-riżultat ta’ konsensus bejn il-partijiet politiċi interessati tal-Bożnja u Ħerzegovina u teħtieġ l-appoġġ wiesa’ taċ-ċittadini. Dan il-proċess, li jista’ jaffettwa l-oqsma kollha, se jkun sensittiv ħafna, u jista’ jieħu xi ftit taż-żmien biex jitlesta.

Wieħed għandu jinnota li hemm diversi fehmiet dwar il-ġejjieni tal-pajjiż fost il-politiċi, u li għad hemm nuqqas ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini ta’ etniċitajiet differenti. B’mod ġenerali, ipprevaliet ir-retorika nazzjonalistika, u l-mexxejja tal-Bożnja u Ħerzegovina m’għamlu l-ebda progress biex, permezz tar-riforma tal-qafas kostituzzjonali, joħolqu strutturi statali iktar funzjonali u affordabbli li jappoġġjaw il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.

Minħabba t-tħassib dwar l-istabbiltà politika fil-Bożnja u Ħerzegovina u fir-reġjun, ġie propost l-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli (OHR) diversi drabi. Fi Frar 2008, il-Kunsill għall-Implimentazzjoni tal-Paċi (PIC) iddeċieda li jagħmel l-għeluq soġġett għall-progress tal-Bożnja u Ħerzegovina fit-trattament ta’ ħames għanijiet u żewġ kundizzjonijiet speċifiċi (l-iffirmar tal-FSA u qagħda politika stabbli). Apparti l-kwistjoni tad-deċiżjoni finali ta’ Brčko, il-progress li sar fil-ħidma biex jiġu indirizzati l-ħames għanijiet (2) kien limitat.

3.2.   Ir-relazzjonijiet politiċi mal-UE u l-pajjiżi ġirien.

3.2.1.   Ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea

In-negozjati dwar il-FSA mal-Bożnja u Ħerzegovina bdew f’Novembru 2005. Il-FSA ġie inizjalizzat fl-4 ta’ Diċembru 2007 u ffirmat fis-16 ta’ Ġunju 2008, wara progress f’erba’ oqsma ewlenin stipulati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill fl-2005 (3). Sa mal-FSA jiġi ratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE, il-miżuri tal-FSA relatati mal-kummerċ daħlu fis-seħħ permezz tal-Ftehim Interim, applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2008. Fost affarijiet oħra, il-FSA fl-2004 fformalizza l-preferenzi tal-kummerċ mogħtija mill-UE lill-prodotti mill-Bożnja (fuq bażi awtonoma) u wassal biex il-Bożnja u Ħerzegovina tneħħi bil-mod il-mod ir-restrizzjonijiet tal-kummerċ u tnaqqas b’mod gradwali d-dazji doganali tagħha fuq prodotti mill-UE. S’issa, l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim kienet sodisfaċenti.

Bħal ma sar fin-negozjati dwar il-FSA, il-Ftehim għall-Iffaċilitar tal-Viża ġie diskuss u ffirmat fis-17 ta’ Settembru 2007: daħal fis-seħħ f’Jannar 2008. Dan il-ftehim naqqas u saħansitra elimina l-ħlasijiet għall-ipproċessar tal-viża għal xi kategoriji ta’ ċittadini. Il-ftehim issemplifika wkoll il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-viżi lil ħafna gruppi ta’ ċittadini, inklużi studenti, negozjanti, ġurnalisti eċċ. L-UE bdiet diskussjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ reġim ħieles mill-viżi għaċ-ċittadini tal-Bożnja fis-26 ta’ Mejju 2008. Sabiex jiġu ffinalizzati n-negozjati jeħtieġ li l-Bożnja u Ħerzegovina tagħmel progress biex tilħaq il-kriterji kollha.

Fir-rigward tal-għajnuna finanzjarja ta’ qabel l-adeżjoni, id-Dokument tal-Ippjanar Indikattiv Multiannwali (MIPD) għall-2008-2010 għall-Bożnja u Ħerzegovina ġie adottat f’Settembru 2008. Il-Kummissjoni Ewropea (KE) allokat total ta’ EUR 74.8 miljuni għall-Bożnja u Ħerzegovina taħt il-Programm ta’ Strument għal Għajnuna qabel l-Adeżjoni tal-2008. L-oqsma ewlenin ta’ intervent huma: it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-istabbilizzazzjoni demokratika. Fil-qafas tal-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili, ġew allokati EUR 6.5 miljun għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili taħt il-programmi nazzjonali IPA 2007/2008. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-Bożnja u Ħerzegovina jibbenefikaw ukoll mill-attivitajiet reġjonali u l-programmi tal-viżitaturi li huma ffinanzjati mill-Programm Multibenefiċjarju. Barra minn hekk, ingħataw EUR 5.7 miljuni mill-fondi Komunitarji biex jgħinu l-baġit tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli sa Ġunju 2009.

L-IPA u l-kumplament tal-għajnuna CARDS huma implimentati mid-Delegazzjoni tal-KE f’Sarajevo. L-immaniġġjar deċentralizzat tal-għajnuna jibqa’ għan tat-terminu medju għall-Bożnja u Ħerzegovina. It-tħejjijiet għall-implimentazzjoni deċentralizzata għamlu kemxejn progess. Il-Fond Nazzjonali u l-Unità Ċentrali għall-Fondi u l-Kuntratti (CFCU) fil-Ministeru għall-Finanzi u t-Teżor imlew xi pożizzjonijiet u l-proċess ta’ reklutaġġ għadu għaddej. L-ambjent politiku u istituzzjonali kumpless fil-Bożnja u Ħerzegovina wassal għal dewmien fir-ratifika tal-Ftehim Qafas tal-IPA. L-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim għadha mhix żġurata. Konsegwenza ta’ dan, l-implimentazzjoni tal-programm IPA tal-2007 ttardjat ukoll.

3.2.2.   Ir-relazzjonijiet mal-Kroazja

Ir-relazzjonijiet mal-Kroazja nbidlu b’mod sostanzjali mill-2000 ’l hawn. Iż-żewġ pajjiżi laħqu iktar ftehimiet dwar ir-ritorn tar-refuġjati billi jaqsmu l-fruntiera bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Kroazja u ffirmaw Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, li ġie implimentat kważi immedjatament. Il-ftehim mal-Kroazja dwar iċ-ċittadinanza doppja ġie approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnja u Ħerzegovina fi Frar 2008. Huwa stmat li madwar 400 000 ċittadin tal-Bożnja u Ħerzegovina għandhom ukoll ċittadinanza Kroata. Għad fadal xi tilwim dwar il-fruntiera x’jiġi solvut, u għad fadal ostakoli għat-trasferiment tal-każijiet u l-estradizzjoni ta’ persuni suspettati f’każijiet ta’ atti kriminali u atti kontra l-umanità bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u l-Kroazja.

3.2.3.   Ir-relazzjonijiet mas-Serbja

Ir-relazzjonijiet mas-Serbja tjiebu b’mod sinifikanti mill-waqgħa tar-reġim ta’ Milosevic ’l hawn, u ġew stabbiliti relazzjonijiet diplomatiċi fil-15 ta’ Diċembru 2000. Matul il-Presidenza tal-Bożnja u Ħerzegovina fil-Proċess għall-Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa (SEECP) fl-2003-2004, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-ex Repubblika Jugoslava ltaqgħu mal-kontropartijiet usa’ tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa, biex isaħħu l-impenn għal relazzjonijiet tajba bħala ġirien, stabbiltà, sigurtà u kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa.

Il-kampanja tal-elezzjonijiet ta’ Ottubru 2006 fil-Bożnja u Ħerzegovina rat tisħiħ pubbliku fir-rabtiet bejn ir-Repubblika Srpska (RS) u s-Serbja, li laħaq il-milja tiegħu bl-iffirmar tal-Ftehim Speċjali dwar ir-Relazzjonijiet Paralleli fis-26 ta’ Settembru 2007 f’Banja Luka, għalkemm iż-żewġ naħat enfasizzaw li l-ftehim ma dgħajjifx is-sovranità, l-intergrità territorjali jew l-indipendenza politika tal-Bożnja u Ħerzegovina.

Madankollu, jista’ jibqa’ jkun hemm tensjonijiet fir-relazzjonijiet bejn il-Bożnja u Ħerzegovina u s-Serbja. Wara d-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo, kien hemm żieda fir-retorika kontra Dayton u theddid seċessjonista fl-RS; fil-21 ta’ Frar 2008 l-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Srpska (RSNA) għaddiet riżoluzzjoni li torbot il-pożizzjoni tal-RS fil-Bożnja u Ħerzegovina ma’ dik tal-Kosovo fis-Serbja u tiddeskrivi ċ-ċirkustanzi li taħthom l-RS tkun intitolata li tinfired.

3.2.4.   Il-kooperazzjoni reġjonali

Ir-relazzjonijiet mal-Montenegro huma tajba imma saru iktar intensifikati. Ġew iffirmati ftehimiet dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, il-kooperazzjoni bejn il-pulizija, il-protezzjoni ċivili u l-kooperazzjoni transkonfinali.

Ir-relazzjonijiet mal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma tajbin, kemm fil-kuntest bilaterali kif ukoll f’dak reġjonali. Ġew konklużi ftehimiet dwar ir-riammissjoni, il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-protezzjoni ċivili.

Ir-relazzjonijiet mal-Albanija ġew intensifikati, u l-Bożnja u Ħerzegovina ddeċidiet li tiftaħ ambaxxata f’Tirana.

Il-Bożnja u Ħerzegovina tipparteċipa b’mod attiv fil-programmi u inizjattivi ta’ kooperazzjoni reġjonali bħal pereżempju s-CEFTA.

4.   L-iżviluppi ekonomiċi fil-Bożnja u Ħerzegovina

4.1.   Il-qagħda attwali tal-ekonomija fil-Bożnja u Ħerzegovina

Minkejja l-ambjent politiku diffiċli, il-BiH gawdiet minn erba’ snin ta’ rendiment ekonomiku stabbli, bi tkabbir fil-PGD ikkalkulat li laħaq 5,5 % fl-2008. L-inflazzjoni fl-ewwel kwart tal-2007 kienet biss 1,5 %, iżda bdiet tiżdied fit-tieni nofs tal-2007, imbuttata miż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tat-trasport u laħqet 4,9 % f’Diċembru, u sparat għal 9,5 % f’Awwissu 2008. Id-defiċit tal-bilanċ tal-pagamenti niżel minn 21,3 % tal-PGD fl-2005 għal 11,4 % tal-PGD fl-2006, iżda reġa’ kiber għal 12,7 % tal-PGD fl-2007. Id-defiċit kummerċjali niżel minn 49,6 % tal-PGD fl-2005 għal madwar 37 % tal-PGD fl-2006 u l-2007. Bħalissa iktar titjib jidher improbabbli, minħabba li t-tkabbir fl-esportazzjoni batta fl-2007, l-importazzjoni reġgħet żdiedet, u l-investiment barrani dirett (FDI) x’aktarx ser jonqos minħabba l-kriżi finanzjarja dinjija. L-eċċess fiskali totali kien 3 % tal-PGD fl-2006, li l-biċċa l-kbira ġie minn żieda f’daqqa fid-dħul wara l-introduzzjoni tal-VAT. L-eċċess naqas għal 1,3 % tal-PGD fl-2007 u jista’ tinbidel f’defiċit fl-2008, fost l-oħrajn, wara żieda fir-rifużjoni tal-VAT.

Bħal pajjiżi oħra fi tranżizzjoni, il-Bożnja u Ħerzegovina għandha ekonomija li qed tikber iżda qed tiffaċċja faqar u tbatija soċjali mifruxa. Ir-rati tal-qgħad ivarjaw minn 16 % għal 44 %. Il-BiH qed tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li qed tkompli thedded il-qagħda ekonomika, soċjali u etnika kif ukoll ir-relazzjonijiet fl-UE u r-reġjun.

L-istruttura tal-gvern tal-pajjiż hija ineffiċjenti u tikkonsma iktar minn 50 % tal-PGD. Strutturi frammentati, riżorsi limitati, nuqqas ta’ esperjenza u approċċi tal-mument għall- appoġġ tal-kapaċitajiet nazzjonali jdgħajfu l-ħila tal-Gvern li jfassal u jimplimenta l-politika.

L-UE hija s-sieħba ewlenija fil-kummerċ tal-Bożnja u Ħerzegovina (l-iskambji mal-UE jirrappreżentaw iktar minn 50 % tal-kummerċ totali tal-Bożnja u Ħerzegovina). L-iffirmar tal-FSA u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Interim x’aktarx li jsaħħu dawn ir-relazzjonijiet u jkabbru l-integrazzjoni tal-kummerċ mal-UE. Il-Bożnja u Ħerzegovina tesporta prinċipalment lejn l-Italja, il-Ġermanja u s-Slovenja. L-importazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina ġejja minn dawn il-pajjiżi tal-UE u fuq skala iżgħar mill-Awstrija. L-esportazzjonijiet tal-Bożnja u Ħerzegovina huma essenzjalment ibbażati fuq il-metalli, l-injam u l-prodotti mill-injam, prodotti minerali u kimiki. L-importazzjonijiet jinkludu, b’mod partikolari, il-makkinarju, il-prodotti minerali, l-ikel u l-kimiki.

5.   Il-qagħda attwali u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

5.1.   Id-djalogu soċjali

5.1.1.   L-ambjent legali

Id-djalogu soċjali ma jeżistix b’mod formali fil-livell tal-Bożnja u Ħerzegovina. Dan ġej mill-fatt li l-kostituzzjoni attwali ma tiġborx fiha dispożizzjonijiet dwar it-twaqqif ta’ istituzzjonijiet tal-gvern li jindirizzaw il-politika soċjali u l-edukazzjoni fil-livell tal-istat.

It-tmien konvenzjonijiet ċentrali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) kollha ġew ratifikati mill-Bożnja u Ħerzegovina. Il-libertà tal-assoċjazzjoni hija garantita mill-kostituzzjonijiet tal-Bożnja u Ħerzegovina, il-Federazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina (FBiH) u r-Repubblika Srpska (RS). Iż-żewġ entitajiet għandhom liġijiet tax-xogħol separati u daqstant ieħor id-distrett ta’ Brčko.

Il-Liġi tal-BiH dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet, adottata f’Diċembru 2001, ma tipprovdix għar-reġistrazzjoni ta’ federazzjoni tat-trade unions fil-livell tal-BiH.

Madankollu, skont ir-Rapport ta’ Progress tal-2008 tal-Kummissjoni Ewropea, ma sar l-ebda progress f’dan il-qasam. Il-fatt li m’hemm l-ebda setgħat fil-livell statali fil-qasam tal-impjiegi u l-politiki soċjali jibqa’ ta’ ostakolu għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-impjiegi applikabbli għall-pajjiż kollu. Abbażi ta’ argumenti kostituzzjonali, ir-Repubblika Srpska b’mod sistematiku toġġezzjona l-għoti ta’ rwol lil-livell statali fi kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol intern. Ġew żviluppati strateġiji u proġetti għall-miżuri attivi fir-rigward tal-impjiegi miż-żewġ Entitajiet u d-Distrett ta’ Brčko. Madankollu, ftit hemm koordinazzjoni bejniethom.

Il-qagħda hija simili fil-qasam tad-djalogu soċjali. Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions ma setgħetx tirreġistra fil-livell statali. Skont il-liġi attwali, ir-reġistrazzjoni tat-trade unions hija assoċjata mar-rikonoxximent – il-kwalità rappreżentattiva tagħhom. Barra minn hekk, il-bażi legali u l-proċedura għall-imsieħba soċjali hija l-istess għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili l-oħra kollha bħall-gruppi tal-konsumaturi jew organizzazzjonijiet sportivi. Dan mhuwiex proporzjonat.. L-organizzazzjoni politika u soċjali kumplessa fil-pajjiż tkompli taffettwa d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u s-soluzzjonijiet ma jidhrux imminenti. In-nuqqas ta’ ċarezza dwar ir-reġistrazzjoni legali tat-trade unions ibblukkat il-progress lejn l-iżvilupp tan-negozjar kollettiv. Għandha titfassal liġi ġdida li tieħu post il-liġi msemmija hawn fuq dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet sabex il-gvern ma jkollux poter diskrezzjonali fuq id-deċiżjoni jekk organizzazzjoni tiġix reġistrata jew le.

5.1.2.   L-imsieħba soċjali

5.1.2.1.   Dawk li jħaddmu

Fil-każ tal-Bożnja u Ħerzegovina, huwa diffiċli li wieħed jitkellem dwar organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li huma attivi fil-livell statali. Minħabba li m’hemmx Ministeru tax-Xogħol fil-livell statali, u minħabba li ħafna mill-kwistjonijiet ekonomiċi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-gvernijiet tal-entitajiet, m’hemm l-ebda koordinazzjoni jew kooperazzjoni uffiċjali fost organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fil-livell statali.

Iż-żewġ organizzazzjonijiet ewlenin ta’ min iħaddem huma l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tal-Federazzjoni tal-Bożnja u Ħerzegovina u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tar-Repubblika Srpska. It-tnejn li huma jipparteċipaw fil-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali fil-livell ta’ entità. Il-kwistjoni ewlenija li qed jiffaċċjaw l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, kemm internament u kemm esternament, hija r-rappreżentattività u r-rappreżentanza effettiva tal-interessi tal-membri tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi.

5.1.2.2.   It-trade unions

Ir-rati tas-sħubija f’trade unions fis-settur formali huma pjuttost għoljin fil-FBiH u fir-RS. Filwaqt li l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Indipendenti (Savez Samostalnih Sindikata Bosne i Hercegovine, SSSBiH) torganizza l-ħaddiema fil-FBiH, il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions tar-Repubblika Srpska (Savez Sindikata Republike Srpske, SSRS) tagħmel l-istess fir-RS. Il-konfederazzjonijiet tat-trade unions taż-żewġ entitajiet tal-Bożnja u Ħerzegovina, il-FBiH u l-RS, f’assemblea fundatriċi li saret f’Sarajevo fl-24 ta’ Ġunju 2005, waqqfu organizzazzjoni komuni tat-trade unions tal-Bożnja u Ħerzegovina (KSBiH). Il-KSBiH ressqet talba għar-reġistrazzjoni fil-livell statali iżda l-kwistjoni s’issa għadha ma ġietx solvuta.

5.1.3.   Evalwazzjoni tal-mekkaniżmi eżistenti

Ma twaqqaf l-ebda Kunsill Ekonomiku u Soċjali fil-livell statali, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ rieda li l-kwistjoni tad-djalogu soċjali tittella’ f’dan il-livell, partikolarment mir-Repubblika Srpska (4) Hemm żewġ kodiċijiet tax-xogħol – wieħed f’kull entità, u m’hemm l-ebda Ministeru tax-Xogħol fil-livell statali. Il-kwistjonijiet ewlenin għall-imsieħba soċjali bħal: il-politiki ekonomiċi, il-liġi tax-xogħol jew l-edukazzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ entità u l-gvernijiet lokali. Suq uniku tabilħaqq (inkluż is-suq tax-xogħol) fil-Bożnja u Ħerzegovina għadu ma ġiex stabbilit. Il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali jiffunzjonaw biss fil-livell ta’ entitajiet u jirċievu pakketti finanzjarji għall-attivitajiet tagħhom mill-Gvern. L-ostakolu formali li baqa’ għat-twaqqif tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali fil-livell statali huwa l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ għarfien tal-organizzazzjoni komuni tat-trade unions. Għandu jiġi nnutat li l-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali għadhom dgħajfa u jeħtieġ iktar professjonaliżmu f’xogħlhom internament.

5.2.   Id-djalogu ċivili

5.2.1.   L-ambjent legali

Il-Bożnja u Ħerzegovina għandha storja “limitata” fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. Qabel il-gwerra kien hemm firxa ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi b’attivitajiet prinċipalment fl-oqsma tal-kultura u l-isport. Matul u wara l-gwerra, il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) ffokaw l-attivitajiet tagħhom fuq it-tqassim tal-għajnuna umanitarja u l-bidla fl-enfasi tagħhom fuq attivitajiet iktar standard saret biss bilmod.

L-NGOs jistgħu jirreġistraw fil-livell statali, ta’ Entità, distrettwali (għall-FBiH) jew muniċipali. Mill-2002 ’il quddiem, il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet ippermettiet li l-NGOs jirreġistraw mal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Bożnja u Ħerzegovina, u li jkunu attivi f’kull parti tal-pajjiż. Madankollu, minħabba l-proċeduri twal u ingumbranti meħtieġa biex tinkiseb reġistrazzjoni fil-livell statali u minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent tar-reġistrazzjoni statali mil-livell tal-entitajiet (Republika Srpska), ħafna NGOs jippreferu li jirreġistraw fil-livell ta’ entità. Memorandum ta’ Fehim iffirmat fl-2004 biex jiġi stabbilit Reġistru Konġunt ta’ Assoċjazzjonijiet u Fundazzjonijiet fil-Bożnja u Ħerzegovina, bejn l-Istat, il-gvernijiet tal-Entitajiet u d-Distrett Brčko, jippromwovi “żieda fil-libertà tal-moviment ta’ assoċjazzjonijiet u fundazzjonijiet u jistabbilixxi sistema ta’ aċċess rapidu għall-informazzjoni dwar il-fundazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet kollha.”

Il-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Fundazzjonijiet ġiet emendata u daħlet fis-seħħ fl-2008. Il-ktieb tar-regoli dwar ir-Reġistrazzjoni tal-2002 għadu japplika u dan jikkumplika l-proċess tar-reġistrazzjoni. L-awtoritajiet tal-BiH qed jippruvaw jemendawh sabiex inaqqsu l-għadd ta’ formoli meħtieġa għar-reġistrazzjoni. Hemm ukoll pjan biex tiġi introdotta r-reġistrazzjoni onlajn.

Skont studju magħmul mit-Tim tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Pajjiż (5), waħda mill-kwistjonijiet ewlenin għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija s-sistema tal-VAT introdotta reċentement. Il-Liġi tal-VAT, li daħlet fis-seħħ fil-BiH fl-1 ta’ Jannar 2006, introduċiet rata armonizzata ta’ taxxa ta’ 17 % li hija żieda fit-taxxi. Diversi korpi (soċjali u tas-saħħa) japplikaw addizjonalment għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jimpjegaw il-ħaddiema. Taxxi addizzjonali japplikaw għad-donazzjonijiet. Is-sentiment ġenerali huwa li l-eżenzjonijiet mit-taxxa għas-settur tas-soċjetà ċivili tintlaqa’ tajjeb u tiffaċilitalhom ix-xogħol.

Il-finanzjament pubbliku tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huwa kwistjoni oħra importanti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jqisu li d-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi mhijiex trasparenti biżżejjed. Il-leġiżlazzjoni dwar il-volontarjat għadha ma ġietx infurzata. Is-soluzzjoni għall-implimentazzjoni fqira tal-leġiżlazzjoni u l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet tibqa’ kritika. Uħud mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili josservaw li l-proċess tal-abbozzar leġiżlattiv fil-BiH la huwa trasparenti u lanqas aċċessibbli.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaraw appoġġ fqir mill-awtoritajiet politiċi minħabba li wħud minnhom iqisu s-settur tas-soċjetà ċivili bħala rivali tagħhom. Hemm ukoll nuqqas ta’ fehim ġenerali fost l-awtoritajiet lokali tal-valuri u l-vantaġġi ta’ sħubija mas-soċjetà ċivili.

5.2.2.   Il-qagħda fid-diversi gruppi ta’ interess

L-għadd totali ta’ NGOs irreġistrati fil-Bożnja u Ħerzegovina issa laħaq it-8,000 (6) madankollu l-għadd ta’ dawk attivi huwa ħafna inqas. Id-dħul tat-tielet settur huwa kkalkulat bħala 4,5 % tal-PGD filwaqt li l-ispejjeż operattivi huma 2,4 %. Ħaddiema impjegati fis-settur jirrappreżentaw 1,45 % tal-popolazzjoni attiva ekonomikament (7)..

Il-qasam predominanti ta’ attività tal-NGOs huwa dak tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Oqsma oħra ta’ involviment sinifikanti tal-NGOs huma l-edukazzjoni, il-kwistjonijiet tas-sessi, l-iżvilupp ekonomiku, l-għajnuna umanitarja, l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, is-saħħa, iż-żgħażagħ u t-tfal u l-iżvilupp tal-komunità.

5.2.3.   Evalwazzjoni tal-mekkaniżmi eżistenti

Ġie nnutat xi progress fir-rigward tal-istituzzjonalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet u s-settur mhux governattiv fil-livell statali. Il-Kunsill tal-Ministri fil-BiH flimkien mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, fis-7 ta’ Mejju 2007 ffirmaw Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Kunsill tal-Ministri tal-BiH u s-settur mhux governattiv fil-BiH.

Twaqqaf Bord tas-Soċjetà Ċivili f’Ottubru 2007 skont il-Ftehim. Anke jekk il-Bord ma jirrappreżentax is-soċjetà ċivili kollha, huwa għandu sottosetturi, li jagħmluh l-iktar forum b’saħħtu għall-NGOs fil-pajjiż. Madankollu, jeħtieġu iktar sforzi mill-awtoritajiet sabiex jistabbilixxu komunikazzjoni regolari u sistematika mas-soċjetà ċivili u jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tagħha fit-tfassil tal-politika.

6.   Ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-integrazzjoni tal-UE

6.1.   L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

L-idea Ewropea ma tidhirx wisq fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Iċ-ċittadini jaraw l-integrazzjoni Ewropea tal-BiH bħala proġett fil-bogħod. Il-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom esperjenza limitata mill-ħidma mal-kontroparti tagħhom minn pajjiżi tal-UE. Id-dibattitu ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bożnja u Ħerzegovina dwar l-UE għadu kemm beda. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiffukaw il-proġetti tagħhom fuq il-prijoritajiet stabbiliti mid-donaturi finanzjarji – organizzazzjonijiet internazzjonali u gvernijiet u donaturi lokali. L-appell għall-integrazzjoni Ewropea f’kull settur mhijiex verament viżibbli, bl-eċċezzjoni tal-attivitajiet ta’ NGOs internazzjonali. Minkejja dan, 80 % taċ-ċittadini tal-Bożnja u Ħerzegovina jappoġġjaw is-sħubija futura ta’ pajjiżhom fl-UE u dan bidu tajjeb għall-promozzjoni tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma relatati mal-ħidma biex jnkisbu l-kriterji tas-sħubija fl-UE.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Skont id-definizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, it-terminu “soċjetà ċivili” jinkludi kemm l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, kif ukoll organizzazzjonijiet oħra mhux governattivi u gruppi ta’ interess.

(2)  1) Soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli tal-kwistjoni ta’ tqassim tal-proprjetà bejn l-Istat u livelli oħra ta’ tmexxija; 2) Soluzzjoni aċċettabbli u sostenibbli tal-proprjetà tad-difiża; 3) It-teħid tad-deċiżjoni finali dwar Brčko; 4) Is-sostenibbiltà fiskali (li tinkiseb permezz ta’ ftehim dwar metodoloġija ITA koeffiċjenti u permanenti u t-twaqqif ta’ Kunsill Fiskali Nazzjonali); u 5) It-tisħiħ tar-regola tal-liġi (li deher fl-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għar-Reati fil-Gwerra, ta’ Liġi dwar l-istranġieri, l-asil u l-Istrateġija Nazzjonali għar-Riforma fis-Settur tal-Ġustizzja).

(3)  1) L-implimentazzjoni tar-riforma fil-pulizija f’konformità mal-ftehim ta’ Ottubru 2005 dwar ir-ristrutturar fil-pulizija; 2) il-kooperazzjoni sħiħa mal-ICTY; 3) l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni kollha meħtieġa dwar ix-xandir pubbliku; u 4) l-iżvilupp tal-qafas leġiżlattiv u l-kapaċità amministrattiva li tippremetti implimentazzjoni xierqa tal-FSA.

(4)  Il-Prim Ministru tar-Repubblika Srpska, Milorad Dodik, fit-22 ta’ Awwissu 2007 ddikjara li “il-Gvern tal-RS mhuwiex se jappoġġja l-ħolqien ta’ Kunsill soċjali fil-livell tal-BiH, [u kkunsidra li] il-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali komuni jiġu trattati fil-livell ta’ entitajiet u li l-ħolqien ta’ dan il-Kunsill huwa kwistjoni politika”.

(5)  Is-sejbiet ewlenin dwar il-Livell ta’ Kooperazzjoni Bejn l-Aġenziji tan-NU u l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili fil-BiH, f’Jannar 2007, id-Dokument ta’ Ħidma tal-UNCT fil-BiH.

(6)  Ċifra mogħtija fi Frar 2005 – data inkluża fir-Rapport tal-Proġett iffinanzjati mill-UE “Studju ta’ ġbir ta’ informazzjoni ta’ Azzjonisti mhux statali fil-Bożnja u Ħerzegovina” Settembru 2005.

(7)  “L-impiegi, l-għoti tas-servizzi soċjali u s-settur tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGO). Qagħda u prospettivi għall-Bożnja u Ħerzegovina. Analiżi u implikazzjonijiet tal-politika”, Studju Kwalitattiv #3, it-2 ta’ April 2005; Proġett għax-Xogħol u l-Politika Soċjali DFID


Top
OSZAR »