ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 430

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
22 ta' Novembru 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUNSILL

2016/C 430/01

Pożizzjoni (UE) Nru 18/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija
Adottat mill-Kunsill fis-17 ta' Ottubru 2016
 ( 1 )

1

2016/C 430/02

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 18/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

3

2016/C 430/03

Pożizzjoni (UE) Nru 19/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija
Adottata mill-Kunsill fis-17 ta' Ottubru 2016
 ( 1 )

4

2016/C 430/04

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 19/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija

13


 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


III Atti preparatorji

IL-KUNSILL

22.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 430/1


POŻIZZJONI (UE) Nru 18/2016 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

Adottat mill-Kunsill fis-17 ta' Ottubru 2016

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 430/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91 u 109 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1192/69 (4) jippermetti lill-Istati Membri li jikkumpensaw 40 intrapriża ferrovjarja enumerata għall-ħlas ta' obbligi li intrapriżi ta' modi oħra ta' trasport ma għandhomx għalfejn iġarrbuhom. L-applikazzjoni korretta tar-regoli għan-normalizzazzjoni tirriżulta fl-eżenzjoni għal Stati Membri mill-obbligi ta' notifika ta' għajnuna mill-Istat.

(2)

Sensiela ta' atti legali tal-Unjoni ġew adottati li fetħu għall-kompetizzjoni s-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u dak internazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri u stabbilixxew, fil-każ tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ċerti prinċipji fundamentali, li jinkludu li: l-intrapriżi ferrovjarji jkunu mmaniġġjati skont il-prinċipji li japplikaw għall-kumpaniji kummerċjali; li l-entitajiet responsabbli għall-allokazzjoni ta' kapaċità u l-impożizzjoni ta' tariffi għall-infrastruttura ferrovjarja jkunu separati minn entitajiet li jħaddmu servizzi ferrovjarji, u li għandu jkun hemm separazzjoni tal-kontijiet; li kull intrapriża ferrovjarja mogħtija liċenzja skont il-kriterji tal-Unjoni jrid ikollha aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja fuq bażi ġusta u nondiskriminatorja; u li l-maniġers tal-infrastruttura jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament mill-Istat.

(3)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 huwa inkonsistenti u inkompatibbli ma' miżuri leġiżlattivi fis-seħħ attwalment. B'mod partikolari, fil-kuntest ta' suq liberalizzat, fejn l-intrapriżi ferrovjarji jikkompetu direttament mal-intrapriżi ferrovjarji enumerati, ma għadux xieraq li dawk iż-żewġ gruppi jiġu ttrattati f'mod differenti minn xulxin.

(4)

Sabiex jiġu eliminati l-inkonsistenzi fl-ordni ġuridika tal-Unjoni u bil-għan li jingħata kontribut għas-simplifikazzjoni billi jitneħħa att legali li ma għadux validu, huwa għaldaqstant xieraq li r-Regolament (KEE) Nru 1192/69 jitħassar.

(5)

L-Istati Membri jistgħu jħallsu kumpens għall-ispejjeż ta' faċilitajiet ta' qsim abbażi tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/34/UE. Huma jistgħu, madankollu, jeħtieġu żmien biex jemendaw il-liġi u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali tagħhom biex jitqies it-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1192/69. Bħala konsegwenza, dan it-tħassir m'għandux ikollu effett immedjat għal każijiet koperti mill-Anness IV għar-Regolament (KEE) Nru 1192/69,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 huwa mħassar, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament li japplikaw għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet għall-każijiet ta' Klassi IV, koperti mill-Anness IV għal dak ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jibqgħu japplikaw sal-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta' Ottubru 2016. Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tas-26 ta' Ġunju 1969 dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija (ĠU L 156, 28.6.1969, p. 8).

(5)  Id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).


22.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 430/3


Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 18/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija

(2016/C 430/02)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-30 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1192/69 tal-Kunsill dwar regoli komuni għan-normalizzazzjoni tal-kontijiet ta' intrapriżi tal-ferrovija (1).

2.

Din il-proposta ġiet ippreżentata bħala parti mill-hekk imsejjaħ Raba' Pakkett Ferrovjarju flimkien ma' ħames proposti oħra. Għan-negozjati, il-proposti ġew ittrattati f'żewġ gruppi, pilastru tekniku u pilastru tas-suq. Din il-proposta hija parti mill-pilastru tas-suq.

3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta fl-10 ta' Lulju 2013. Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu fit-8 ta' Ottubru 2013.

4.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-26 ta' Frar 2014.

5.

Fit-3 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill (Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija) laħaq qbil (l-“approċċ ġenerali”) (2) dwar il-proposta li tħassar ir-Regolament (KEE) 1192/69.

6.

Fid-19 ta' April 2016, intlaħaq qbil mal-Parlament Ewropew dwar test ta' kompromess.

7.

Fl-20 ta' Settembru 2016, il-Kunsill adotta qbil politiku (3) dwar it-test ta' kompromess.

8.

Filwaqt li jittieħed kont tal-qbil imsemmi hawn fuq u wara reviżjoni mill-Ġuristi-Lingwisti, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-17 ta' Ottubru 2016, f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

II.   OBJETTIV

9.

L-objettiv uniku tal-proposta huwa li jħassar regolament li ma jgħoddx għal dan iż-żmien li ġie adottat meta l-organizzazzjonijiet li jipprovdu s-servizzi ferrovjarji kienu jissodisfaw ċerti responsabbiltajiet tas-settur pubbliku. Ir-regolament kien jipprovdi l-qafas għal kumpens tal-ispejjeż u l-benefiċċji li jirriżultaw minn dawk ir-responsabbiltajiet.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

10.

Il-Kunsill jikkunsidra li r-Regolament (KEE) Nru 1192/69 ma għadux kompatibbli mal-organizzazzjoni moderna tas-settur ferrovjarju. Madankollu, il-Kunsill huwa konxju li r-Regolament għadu jintuża, b'mod partikolari għall-kumpens għall-ispejjeż relatati ma' ċerti faċilitajiet ta' intersezzjoni fl-istess livell. Għalhekk huwa ġġustifikat perijodu transitorju għall-kumpens tal-ispejjeż għall-intersezzjonijiet fl-istess livell, bil-perspettiva ta' transizzjoni bla xkiel għas-sistema l-ġdida.

IV.   KONKLUŻJONI

11.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess maqbul bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

12.

Dan il-kompromess huwa kkonfermat b'ittra mill-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għat-Trasport u t-Turiżmu indirizzata lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 1) fit-13 ta' Lulju 2016.

13.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tieħu kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Għalhekk, il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tirrappreżenta kompromess ibbilanċjat.


(1)  ĠU L 156, 28.6.1969, p. 283.

(2)  Ara d-dok. 15790/14 TRANS 545 CODEC 2037.

(3)  Ara d-dok. 11202/16 TRANS 299 CODEC 1059.


22.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 430/4


POŻIZZJONI (UE) Nru 19/2016 TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

bil-ħsieb li jiġi adottat Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija

Adottata mill-Kunsill fis-17 ta' Ottubru 2016

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2016/C 430/03)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

It-trasport ferrovjarju għandu l-potenzjal li jikber u jżid is-sehem modali tiegħu u jkollu rwol ewlieni f'sistema sostenibbli tat-trasport u l-mobbiltà, u joħloq opportunitajiet ta' investiment u impjiegi ġodda. Madankollu, it-tkabbir tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija ma laħħaqx mal-evoluzzjoni ta' modi oħra ta' trasport.

(2)

Is-suq tal-Unjoni għas-servizzi tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-ferrovija ilu miftuħ għall-kompetizzjoni mill-2010. Barra minn hekk, uħud mill-Istati Membri fetħu għall-kompetizzjoni s-servizzi domestiċi tal-passiġġieri tagħhom, billi introduċew drittijiet ta' aċċess miftuħ, jew permezz ta' sejħiet għall-offerti ta' kuntratti għal servizz pubbliku, jew it-tnejn f'daqqa. Jenħtieġ li l-ftuħ tas-suq għas-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri jkollu impatt pożittiv fuq il-funzjonament taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, li jwassal għal servizzi aħjar għall-utenti.

(3)

Fil-White Paper tagħha tat-28 ta' Marzu 2011 il-Kummissjoni ħabbret li beħsiebha tlesti s-suq intern għas-servizzi ferrovjarji, bl-abolizzjoni tal-ostakoli tekniċi, amministrattivi u legali li jimpedixxu d-dħul fis-suq ferrovjarju.

(4)

Jenħtieġ li t-tlestija taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea tkompli l-iżvilupp tat-trasport ferrovjarju bħala alternattiva kredibbli għal modi oħra ta' trasport, fost l-oħrajn f'termini ta' prezz u kwalità.

(5)

Objettiv speċifiku ta' dan ir-Regolament huwa t-titjib tal-kwalità, it-trasparenza, l-effiċjenza u l-prestazzjoni tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija.

(6)

Jenħtieġ li s-servizzi fil-livell transkonfinali mogħtija taħt kuntratti ta' servizzi pubbliċi, inklużi s-servizzi tat-trasport pubbliku li jkopru l-ħtiġijiet tat-trasport lokali u reġjonali jkunu soġġetti għall-ftehim tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom jiġu pprovduti s-servizzi.

(7)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiddefinixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi tas-servizz pubbliku fit-trasport pubbliku tal-passiġġieri. Jenħtieġ li tali speċifikazzjonijiet ikunu konsistenti mal-objettivi tal-politika kif iddikjarat fid-dokumenti ta' politika tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri.

(8)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi tas-servizz pubbliku fit-trasport pubbliku tal-passiġġieri, fejn possibbli, jiġġeneraw effetti ta' netwerk pożittivi, fost oħrajn f'termini ta' kwalità mtejba tas-servizzi, il-koeżjoni soċjali u territorjali jew l-effiċjenza ġenerali tas-sistema tat-trasport pubbliku.

(9)

Jenħtieġ li l-obbligi tas-servizz pubbliku jkunu konformi mal-politika tat-trasport pubbliku. Madankollu, dan ma jintitolax lill-awtoritajiet kompetenti jirċievu ammont speċifiku ta' finanzjament.

(10)

Meta jitħejjew id-dokumenti ta' politika tat-trasport pubbliku, jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati f'konformità mal-liġi nazzjonali. Dawk il-partijiet ikkonċernati jistgħu jinkludu l-operaturi tat-trasport, il-maniġers tal-infrastruttura, l-organizzazzjonijiet tal-impjegati u r-rappreżentanti tal-utenti tas-servizzi tat-trasport pubbliku.

(11)

Għall-kuntratti għal servizz pubbliku li ma jingħatawx abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, jenħtieġ li t-twettiq tal-obbligi tas-servizz pubbliku mill-operaturi tas-servizz pubbliku jingħata kumpens kif xieraq sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja fit-tul tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-politika tat-trasport pubbliku. B'mod partikolari, jenħtieġ li tali kumpens jippromwovi ż-żamma jew l-iżvilupp ta' ġestjoni effettiva mill-operatur tas-servizz pubbliku u l-forniment tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta' standard għoli biżżejjed.

(12)

Fil-qafas tal-istabbiliment taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni soċjali għall-persunal tal-operaturi tas-servizz pubbliku.

(13)

Bil-ħsieb ta' integrazzjoni adatta tar-rekwiżiti soċjali u tax-xogħol fi proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, jenħtieġ li l-operaturi tas-servizz pubbliku, fit-twettiq ta' kuntratti għal servizz pubbliku, jikkonformaw mal-obbligi fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol li japplikaw fl-Istat Membru fejn jingħata l-kuntratt għal servizz pubbliku u li jirriżultaw minn liġijiet, regolamenti u deċiżjonijiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-Unjoni, kif ukoll minn ftehimiet kollettivi applikabbli, bil-kondizzjoni li tali regoli nazzjonali, u l-applikazzjoni tagħhom, jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni.

(14)

Fejn l-Istati Membri jirrikjedu li l-persunal imqabbad mill-operatur preċedenti jiġi trasferit għall-operatur tas-servizz pubbliku li għadu kemm intgħażel, jenħtieġ li tali persunal jingħata d-drittijiet li kien intitolat għalihom li kieku kien hemm trasferiment skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE (4). Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jadottaw tali dispożizzjonijiet.

(15)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati kollha l-informazzjoni rilevanti għat-tħejjija tal-offerti fil-qafas ta' proċeduri ta' offerti kompetittivi, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni leġittima tal-informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

(16)

Jenħtieġ li l-obbligu ta' awtorità kompetenti li tipprovdi lill-partijiet interessati kollha bl-informazzjoni essenzjali għat-tħejjija ta' offerta fil-qafas ta' proċedura ta' offerti kompetittiva ma jestendix sal-ħolqien ta' informazzjoni addizzjonali fejn tali informazzjoni ma teżistix.

(17)

Sabiex jittieħed kont tad-diversità fl-organizzazzjoni territorjali u politika tal-Istati Membri, kuntratt għal servizz pubbliku jista' jingħata minn awtorità kompetenti li tikkonsisti minn grupp ta' awtoritajiet pubbliċi. F'tali ċirkostanzi, jenħtieġ li jkun hemm regoli ċari li jistabbilixxu r-rwoli rispettivi ta' kull waħda mill-awtoritajiet pubbliċi fil-proċess tal-għoti tal-kuntratt għal servizz pubbliku.

(18)

B'kont meħud tad-diversità tal-istrutturi amministrattivi fl-Istati Membri, fil-każ tal-kuntratti għall-forniment ta' servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija li jingħataw direttament minn grupp ta' awtoritajiet lokali kompetenti, id-determinazzjoni ta' liema awtoritajiet lokali huma kompetenti fir-rigward tal-'agglomerazzjonijiet urbani' u ż-'żoni rurali' jibqgħu f'idejn l-Istati Membri.

(19)

Jenħtieġ li l-kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija jingħataw abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, minbarra f'dawk il-każijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(20)

Jenħtieġ li l-proċeduri ta' offerti kompetittivi tal-kuntratti għal servizz pubbliku jkunu miftuħin għall-operaturi kollha, ikunu ġusti u jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni.

(21)

F'każijiet eċċezzjonali, fejn il-kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija jingħataw abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, kuntratti ġodda jistgħu temporanjament jingħataw direttament sabiex ikun żgurat li s-servizzi jingħataw bl-aktar mod kosteffettiv. Jenħtieġ li tali kuntratti ma jiġġeddux biex ikopru l-istess obbligi tas-servizz pubbliku jew obbligi simili tas-servizz pubbliku.

(22)

Fejn operatur wieħed biss jesprimi interess wara l-pubblikazzjoni tal-intenzjoni li tiġi organizzata proċedura ta' offerti kompetittiva, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibdew negozjati ma' dak l-operatur biex jingħata l-kuntratt mingħajr aktar pubblikazzjoni ta' proċedura miftuħa għall-għoti ta' kuntratti.

(23)

Jenħtieġ li l-limiti de minimis għall-kuntratti għal servizz pubbliku li jingħataw direttament jiġu adattati biex jirriflettu l-volumi u l-ispejjeż tal-unità ogħla fis-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija meta mqabbel ma' modi oħra ta' trasport koperti mir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Jenħtieġ li l-limiti ogħla japplikaw ukoll għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri fejn il-ferrovija tirrappreżenta aktar min 50 % tal-valur tas-servizzi inkwistjoni.

(24)

L-istabbiliment taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea jeħtieġ regoli komuni dwar l-għoti tal-kuntratti għal servizz pubbliku f'dan is-settur, waqt li jittieħed kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull Stat Membru.

(25)

Fejn ċerti kondizzjonijiet b'rabta man-natura u l-istruttura tas-suq ferrovjarju jew in-netwerk ferrovjarju huma sodisfatti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu intitolati li jagħtu kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija direttament meta tali kuntratt jirriżulta fit-titjib tal-kwalità tas-servizzi jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn li huma.

(26)

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu miżuri biex iżidu l-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji billi jillimitaw l-għadd ta' kuntratti li jagħtu lil impriża ferrovjarja waħda.

(27)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi legali tagħhom jipprevedu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-awtorità kompetenti li jingħataw kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi pubbliċi ta' trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija b'mod dirett jiġu vvalutati fuq approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni minn korp indipendenti. Dan jista' jsir bħala parti minn stħarriġ ġudizzjarju.

(28)

Fit-tħejjija ta' proċeduri ta' offerti kompetittivi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw jekk ikunux meħtieġa miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv u nondiskriminatorju għal rolling stock (materjal ferrovjarju fuq ir-roti) adatt. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu r-rapport ta' valutazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(29)

Jenħtieġ li ċerti fatturi ewlenin ta' proċedura ta' offerti kompetittiva li ġejja għal kuntratti għal servizz pubbliku ssir għalkollox trasparenti, biex ikun possibbli rispons aktar organizzat għas-suq.

(30)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

‘Soġġetti għal ftehim tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom jiġu pprovduti s-servizzi, l-obbligi tas-servizz pubbliku jistgħu jikkonċernaw servizzi tat-trasport pubbliku fil-livell transkonfinali, inklużi dawk li jkopru l-ħtiġijiet tat-trasport lokali u reġjonali.’.

(2)

Fl-Artikolu 2 jiddaħħal il-punt li ġej:

‘(aa)

“servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija” tfisser it-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, bl-esklużjoni tat-trasport tal-passiġġieri b'mezzi oħra fuq binarji, bħall-metro jew it-tramm;’.

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘Artikolu 2a

Speċifikazzjoni tal-obbligi ta' servizz pubbliku

1.   L-awtorità kompetenti għandha tistipula l-ispeċifikazzjonijiet għall-obbligi ta' servizz pubbliku fl-għoti tas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom f'konformità mal-Artikolu 2(e). Dan jinkludi l-possibbiltà li s-servizzi li jkopru l-ispejjeż jiġu raggruppati ma' servizzi li ma jkoprux spejjeż.

Meta tistipula dawk l-ispeċifikazzjonijiet u l-ambitu tal-applikazzjoni tagħhom, l-awtorità kompetenti għandha tirrispetta kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

L-ispeċifikazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi tal-politika ddikjarat fid-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri.

Il-kontenut u l-format tad-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku u l-proċeduri għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti għandhom jiġu determinati f'konformità mal-liġi nazzjonali.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet tal-obbligi ta' servizz pubbliku u l-kumpens relatat tal-effett finanzjarju nett tal-obbligi ta' servizz pubbliku għandhom:

(a)

jilħqu l-objettivi tal-politika tat-trasport pubbliku b'mod kosteffettiv; u

(b)

isostnu finanzjarjament il-forniment tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, f'konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-politika tat-trasport pubbliku fuq perijodu twil.’.

(4)

L-Artikolu 4 hu emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b'dan li ġej:

‘(a)

jistabbilixxu biċ-ċar l-obbligi ta' servizz pubbliku, definiti f'dan ir-Regolament u speċifikati skont l-Artikolu 2a tiegħu, li l-operatur ta' servizz pubbliku għandu jikkonforma magħhom, u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

(b)

jistabbilixxu minn qabel, b'mod oġġettiv u trasparenti,

(i)

il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta' kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

(ii)

in-natura u l-firxa ta' kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija b'mod li jevita l-kumpens żejjed. Fil-każ ta' kuntratti għal servizz pubbliku li ma jingħatawx f'konformità mal-Artikolu 5(1), (3) jew (3b), dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b'mod li l-ebda ħlas ta' kumpens ma jista' jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed kont tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta' servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;’;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

‘4a.   Fit-twettiq tal-kuntratti għal servizz pubbliku, l-operaturi ta' servizzi pubbliċi għandhom ikunu konformi mal-obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi soċjali u tax-xogħol stabbilita mid-dritt tal-Unjoni, id-dritt nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi.

4b.   Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE (*) għandha tapplika għal bidla ta' operatur tas-servizz pubbliku fejn tali bidla tikkostitwixxi trasferiment ta' impriża fit-tifsira ta' dik id-Direttiva.

(*)  Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).’;"

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘6.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jirrikjedu li l-operaturi ta' servizz pubbliku jikkonformaw ma' ċerti standards ta' kwalità u soċjali, jew jistabbilixxu kriterji soċjali u kwalitattivi, dawk l-istandards u l-kriterji għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti tal-offerta u fil-kuntratti għal servizz pubbliku. Filwaqt li jirrispettaw id-Direttiva 2001/23/KE, tali dokumenti tal-offerta u kuntratti għal servizz pubbliku għandhom, fejn applikabbli, jinkludu wkoll informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi relatati mat-trasferiment tal-persunal imqabbad mill-operatur preċedenti.’;

(d)

Jiżdied il-paragrafu li ġej:

‘8.   Il-kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jirrikjedu li l-operatur jipprovdi lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni essenzjali għall-għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku, filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati kollha, l-informazzjoni rilevanti għat-tħejjija ta' offerta fil-qafas ta' proċedura ta' offerti kompetittiva filwaqt li jiżguraw il-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali. Dan għandu jinkludi informazzjoni dwar id-domanda tal-passiġġieri, it-tariffi, l-ispejjeż u d-dħul marbutin mat-trasport pubbliku tal-passiġġieri koperti mill-proċedura ta' offerti kompetittiva u dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet tal-infrastruttura rilevanti għall-operazzjoni tal-vetturi jew rolling stock meħtieġa sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jfasslu pjani ta' negozju informati sew. Il-maniġers tal-infrastruttura ferrovjarja għandhom jappoġġaw lill-awtoritajiet kompetenti billi jipprovdu l-ispeċifikazzjonijiet infrastrutturali kollha rilevanti. In-nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati hawn fuq għandu jkun soġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 5(7).’.

(5)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hija awtorità individwali jew grupp ta' awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri, tista' tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija stess jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lil entità legalment distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew, fil-każ ta' grupp ta' awtoritajiet tal-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess.

Fil-każ ta' servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, il-grupp ta' awtoritajiet imsemmi fl-ewwel subparagrafu jista' jkun magħmul biss minn awtoritajiet lokali kompetenti li ż-żona ġeografika ta' kompetenza tagħhom ma tkunx waħda nazzjonali. Il-kuntratt għal servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri jew tal-kuntratt għal servizz pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jkopru biss il-ħtiġijiet ta' trasport ta' agglomerazzjonijiet urbani jew żoni rurali, jew it-tnejn li huma.

Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:’;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘3.   Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta' sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi 3a, 4, 4a, 4b, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-nondiskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta' offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista' tinvolvi negozjati skont dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.’;

(c)

Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

‘3a.   Dment li ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, fir-rigward ta' kuntratti għal servizz pubbliku għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mogħtija abbażi ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li temporanjament tagħti kuntratti ġodda direttament fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-għotja diretta hija ġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali. Tali ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom jinkludu sitwazzjonijiet fejn:

diġà jkun hemm numru ta' proċeduri ta' offerti kompetittivi li diġà jkunu qed jiġu amministrati mill-awtorità kompetenti jew awtoritajiet kompetenti oħra li jistgħu jaffettwaw l-għadd jew il-kwalità tal-offerti li x'aktarx jaslu jekk il-kuntratt ikun is-soġġett ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, jew

bidliet fl-ambitu ta' kuntratt ta' servizz pubbliku wieħed jew aktar huma meħtieġa sabiex il-forniment ta' servizzi pubbliċi tiġi ottimizzata.

L-awtorità kompetenti għandha toħroġ deċiżjoni sostanzjata u għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan mingħajr dewmien bla bżonn.

It-tul ta' żmien ta' kuntratti mogħtija skont dan il-paragrafu għandu jkun proporzjonali għaċ-ċirkostanza eċċezzjonali konċernata u fi kwalunkwe każ m'għandux jeċċedi 5 snin.

L-awtorità kompetenti għandha tippubblika t-tali kuntratti. Meta tagħmel dan għandha,tieħu kont tal-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u interessi kummerċjali.

Il-kuntratt sussegwenti li jikkonċerna l-istess obbligi tas-servizz pubbliku m'għandux jingħata abbażi ta' din id-dispożizzjoni.

3b.   B'applikazzjoni tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li japplikaw il-proċedura li ġejja:

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw l-intenzjonijiet tagħhom li jagħtu kuntratt għal servizz ta' trasport pubbliku bil-ferrovija billi jippubblikaw avviż ta' informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dak l-avviż ta' informazzjoni għandu jkun fih deskrizzjoni dettaljata tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt li għandu jingħata, kif ukoll it-tip u t-tul tal-kuntratt.

L-operaturi jistgħu jesprimu l-interess tagħhom fi żmien perijodu stabbilit mill-awtorità kompetenti li ma għandux ikun anqas minn 60 jum wara l-pubblikazzjoni tal-avviż ta' informazzjoni.

Jekk wara l-iskadenza ta' dak il-perijodu:

(a)

operatur wieħed biss ikun esprima l-interess tiegħu li jipparteċipa fil-proċedura għall-għoti ta' kuntratt għal servizz pubbliku;

(b)

dak l-operatur ikun debitament ipprova li ser ikun fil-fatt kapaċi jipprovdi s-servizz tat-trasport f'konformità mal-obbligi stabbiliti fil-kuntratt għal servizz pubbliku;

(c)

in-nuqqas ta' kompetizzjoni ma tkunx ir-riżultat ta' limitazzjoni artifiċjali fil-parametri tal-akkwist; u

(d)

ma jkun hemm l-ebda alternattiva raġonevoli,

l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jibdew in-negozjati ma' dak l-operatur sabiex jagħtu l-kuntratt mingħajr pubblikazzjoni ulterjuri ta' proċedura miftuħa għall-offerti.”;

(d)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘4.   Għajr fejn ikun projbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament:

(a)

fejn il-valur annwali medju tagħhom ikun stmat għal anqas minn EUR 1 000 000 jew, fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jinkludi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, anqas minn EUR 7 500 000; jew

(b)

fejn ikunu jikkonċernaw il-forniment annwali ta' anqas minn 300 000 kilometru ta' servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew, fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jinkludi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija, anqas minn 500 000 kilometru.

Fil-każ ta' kuntratt għal servizz pubbliku li jingħata direttament lil impriża żgħira jew ta' daqs medju li ma toperax aktar minn 23 vettura tat-triq, dawk il-limiti jistgħu jiżdiedu jew għal valur annwali medju stmat għal inqas minn EUR 2 000 000 jew għal forniment annwali ta' inqas minn 600 000 kilometru ta' servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri.’;

(e)

Jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

‘4a.   Għajr fejn ikun projbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija direttament:

(a)

fejn hija tikkunsidra li l-għoti dirett ikun iġġustifikat mill-karatteristiċi ġeografiċi u strutturali rilevanti tas-suq u n-netwerk ikkonċernati, u b'mod partikolari d-daqs, il-karatteristiċi tad-domanda, il-kumplessità tan-netwerk, l-iżolament tekniku u ġeografiku u s-servizzi koperti mill-kuntratt, u

(b)

fejn tali kuntratt jirriżulta f'titjib fil-kwalità tas-servizzi jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn li huma, meta mqabbel mal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti preċedentement.

Abbażi ta' dan, l-awtorità kompetenti għandha tippubblika deċiżjoni sostanzjata u għandha tinforma lill-Kummissjoni b'dan fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tagħha. L-awtorità kompetenti tista' tipproċedi bl-għoti tal-kuntratt.

L-Istati Membri li għalihom, fi … [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju st11198], il-volum annwali massimu huwa inqas minn 23 miljun kilometru ferrovjarju u li jkollhom biss awtorità kompetenti waħda fil-livell nazzjonali u kuntratt għal servizz pubbliku wieħed li jkopri n-netwerk kollu kemm hu għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt (a). Fejn awtorità kompetenti ta' wieħed minn dawk l-Istati Membri tiddeċiedi li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku direttament, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan. Ir-Renju Unit jista' jiddeċiedi li japplika dan is-subparagrafu lill-Irlanda ta' Fuq.

Fejn l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti kuntratt għal servizz pubbliku direttament, hija għandha tistipula rekwiżiti tal-prestazzjoni miżurabbli, trasparenti u verifikabbli. Tali rekwiżiti għandhom jiġu inklużi fil-kuntratt.

Ir-rekwiżiti ta' prestazzjoni għandhom b'mod partikolari jkopru l-puntwalità tas-servizzi, il-frekwenza tal-operazzjonijiet ferrovjarji, il-kwalità ta' rolling stock u l-kapaċità ta' trasport għall-passiġġieri.

Il-kuntratt għandu jinkludi indikaturi speċifiċi ta' prestazzjoni li jippermettu lill-awtorità kompetenti sabiex twettaq valutazzjonijiet perjodiċi. Il-kuntratt għandu wkoll jinkludimiżuri effettivi u ta' deterrent li għandhom ikunu imposti fil-każ li l-impriża ferrovjarja ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni.

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta perjodikament jekk l-impriża ferrovjarja tkunx laħqet jew le l-miri tagħha li tissodisfa r-rekwiżiti ta' prestazzjoni kif stipulati fil-kuntratt u għandha tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni. Tali valutazzjonijiet perjodiċi għandhom isiru tal-anqas kull ħames snin. L-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri adatti u f'waqthom, inklużi l-impożizzjoni ta' pieni kuntrattwali effettivi u ta' deterrent jekk it-titjib meħtieġ fil-kwalità tas-servizzi jew il-kosteffiċjenza, jew it-tnejn li huma, ma jintlaħaqx. L-awtorità kompetenti tista' fi kwalunkwe ħin tissospendi jew tittermina kompletament jew parzjalment il-kuntratt mogħti taħt din id-dispożizzjoni jekk l-operatur jonqos milli jissodisfa r-rekwiżiti tal-prestazzjoni.

4b.   Sakemm ma jkunx ipprojbit mil-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tagħti l-kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija direttament fejn dawn jikkonċernaw biss l-operazzjoni ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri minn operatur li jamministra simultanjament l-infrastruttura ferrovjarja kollha li fiha jiġu pprovduti s-servizzi jew parti prinċipali minnha, li hija eskluża mill-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 7a, 7b, 7c, 7d, 8, 13u l-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) f'konformità mal-Artikolu 2(3)(a) jew (b) ta' dik id-Direttiva.

B'deroga mill-Artikolu 4(3), it-tul ta' żmien ta' kuntratti li jingħataw direttament skont dan il-paragrafu u l-paragrafu 4a ta' dan l-Artikolu m'għandux jeċċedu 10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).

Kuntratti mogħtija skont dan il-paragrafu u l-paragrafu 4a għandhom jiġu ppubblikati, filwaqt li jittieħed kont tal-protezzjoni leġittima ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali u interessi kummerċjali.

(**)  Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32).”;"

(f)

Il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘5.   F'każ ta' interruzzjoni fis-servizzi jew ir-riskju immedjat ta' tali sitwazzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tieħu miżuri ta' emerġenza.

Il-miżuri ta' emerġenza għandhom jieħdu l-forma ta' għotja diretta jew ftehim formali għall-estensjoni ta' kuntratt għal servizz pubbliku jew rekwiżit biex jiġu provduti ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. L-operatur ta' servizz pubbliku għandu jkollu d-dritt li jappella d-deċiżjoni li jiġi impost il-forniment ta' ċerti obbligi ta' servizz pubbliku. Il-perijodu li fih kuntratt għal servizz pubbliku jingħata, jiġi estiż jew jiġi impost b'miżuri ta' emerġenza m'għandux jeċċedi sentejn.’;

(g)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘6a.   Sabiex iżidu l-kompetizzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li kuntratti għal servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija li jkopru partijiet mill-istess netwerk jew pakkett ta' rotot għandhom jingħataw lil impriżi ferrovjarji differenti. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, qabel ma jniedu proċedura ta' offerti kompetittiva, jiddeċiedu li jillimitaw l-għadd ta' kuntratti li għandhom jingħataw lill-istess impriża ferrovjarja.’;

(h)

fil-paragrafu 7, is-subparagrafu li ġej jiżdied wara l-ewwel subparagrafu:

‘Għall-każjiet koperti mill-paragrafi 4a u 4b, tali miżuri għandhom jinkludu l-possibbiltà li tintalab valutazzjoni tad-deċiżjoni sostanzjata meħuda mill-awtorità kompetenti minn korp indipendenti maħtur mill-Istat Membru konċernat. L-eżitu ta' tali valutazzjoni għandu jkun disponibbli għall-pubbliku f'konformità mal-liġi nazzjonali.’.

(6)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘Artikolu 5a

Rolling stock ferrovjarju

1.   Fid-dawl tat-tnedija ta' proċedura ta' offerti kompetittiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk ikunux meħtieġa miżuri biex jiġi żgurat aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għal rolling stock adatt. Din il-valutazzjoni għandha tieħu kont tal-preżenza ta' kumpanniji ta' kiri ta' rolling stock, jew ta' atturi oħra fis-suq li jipprevedu l-kiri ta' vetturi ferrovjarji, fis-suq rilevanti. Ir-rapport sta' valutazzjoni għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu, f'konformità mal-liġi nazzjonali u f'konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li jieħdu miżuri adatti biex jiġi żgurat aċċess effettiv u mingħajr diskriminazzjoni għal rolling stock adatt. Tali miżuri jistgħu jinkludu:

(a)

l-akkwist mill-awtorità kompetenti tar-rolling stock użat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal servizz pubbliku bil-għan li jkun disponibbli għall-operatur magħżul tas-servizz pubbliku bi prezz tas-suq, jew bħala parti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku skont l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 6, u jekk applikabbli, l-Anness,

(b)

l-għoti mill-awtorità kompetenti ta' garanzija għall-finanzjament tar-rolling stock użat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt għal servizz pubbliku bi prezz tas-suq, jew bħala parti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku skont l-Artikolu 4(1)(b), l-Artikolu 6, u jekk applikabbli, l-Anness, inkluża garanzija li tkopri il-valur residwali tar-riskju,

(c)

impenn mill-awtorità kompetenti fil-kuntratt għal servizz pubbliku li tieħu f'idejha r-rolling stock b'kondizzjonijiet finanzjarji definiti minn qabel fi tmiem tal-kuntratt bi prezz tas-suq, jew

(d)

kooperazzjoni ma' awtoritajiet kompetenti oħra, sabiex jinħoloq aggruppament akbar ta' rolling stock;

3.   Jekk ir-rolling stock isir disponibbli għal operatur ġdid tat-trasport pubbliku, l-awtorità kompetenti għandha tinkludi fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, kwalunkwe informazzjoni disponibbli dwar l-ispejjeż tal-manutenzjoni tar-rolling stock kif ukoll dwar il-kondizzjoni fiżika tiegħu.’.

(7)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘1.   Il-kumpens kollu marbut ma' regola ġenerali jew ma' kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mal-Artikolu 4, irrispettivament minn kif ikun ingħata l-kuntratt. Kull kumpens, irrispettivament min-natura tiegħu, li jkun marbut ma' kuntratt għal servizz pubbliku li ma jkunx ingħata skont l-Artikolu 5(1), (3) jew (3b) jew marbut ma' regola ġenerali, għandu jikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Anness.’.

(8)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘1.   Kull awtorità kompetenti għandha tagħmel pubbliku darba fis-sena rapport aggregat dwar l-obbligi ta' servizz pubbliku li għalihom hija responsabbli. Dak ir-rapport għandu jinkludi d-data tal-bidu u t-tul ta' żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku, l-operaturi magħżula ta' servizz pubbliku u l-ħlasijiet ta' kumpens u d-drittijiet esklużivi mogħtija lil dawk l-operaturi ta' servizz pubbliku permezz ta' rimborż. Ir-rapport għandu jiddistingwi bejn trasport bix-xarabank u trasport ferrovjarju, għandu jippermetti l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni, il-kwalità u l-finanzjament tan-netwerk tat-trasport pubbliku, u fejn xieraq, għandu jipprovdi informazzjoni dwar in-natura u l-ambitu ta' kwalunkwe dritt esklużiv li jiġi mogħti. Ir-rapport għandu wkoll jieħu kont tal-objettivi ta' politika kif iddikjarati fid-dokumenti tal-politika tat-trasport pubbliku fl-Istati Membri konċernati. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-aċċess ċentrali għal dawn ir-rapporti, pereżempju permezz ta' portal komuni tal-internet.’;

(b)

Fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

‘(d)

id-data tal-bidu u t-tul ta' żmien previsti tal-kuntratt għal servizz pubbliku.’.

(9)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

paragrafu 2huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3,

(i)

L-Artikolu 5 għandu japplika għall-għoti ta' kuntratti pubbliku għal servizzi għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u b'mezzi oħra fuq binarji minbarra l-ferrovija, bħall-metro jew il-linji tat-tramm mit-3 ta' Diċembru 2019.

(ii)

L-Artikolu 5 għandu japplika għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mit-3 ta' Diċembru 2019.

(iii)

L-Artikolu 5(6) u l-Artikolu 7(3) ma għandhomx jibqgħu japplikaw minn … [6 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju st11198].

It-tul ta' żmien tal-kuntratti mogħtija skont l-Artikolu 5(6) bejn it-3 ta' Diċembru 2019 u … [6 snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament Emendatorju st11198] m'għandux jeċċedi 10 snin.

Sat-2 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex gradwalment jikkonformaw mal-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji f'mod partikolari rigward il-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara … [tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju st11198], l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta' progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe għoti ta' kuntratti għal servizz pubbliku li jkunu konformi mal-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta' progress tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni u, jekk adatt, tippreżenta proposti leġislattivi.’;

(b)

Jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘2a.   Kuntratti għal servizz tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija mogħtija direttament abbażi ta' proċedura għajr proċedura kompetittiva ġusta sa … [mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament Emendatorju st 11198] sat-2 ta' Diċembru 2019, jistgħu jkomplu sad-data tal-iskadenza tagħhom. B'deroga mill-Artikolu 4(3), it-tul ta' żmien ta' dawn il-kuntratti m'għandux jeċċedi 10 snin, ħlief fejn japplika l-Artikolu 4(4).’;

(c)

fil-paragrafu 3, il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

‘(d)

mis-26 ta' Lulju 2000 u qabel … [id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament emendatorju st 11198] abbażi ta' proċedura għajr proċedura ta' offerti ġusta kompetittiva.’.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum … [12-il xahar wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi …,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tas-17 ta' Ottubru 2016. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' … (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).

(5)  Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p.1).


22.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 430/13


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 19/2016 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija

(2016/C 430/04)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fit-30 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni bagħtet lill-Kunsill proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija (1).

2.

Din il-proposta ġiet ippreżentata bħala parti mill-hekk imsejjaħ ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju flimkien ma' ħames proposti oħra. Għan-negozjati, il-proposti ġew ittrattati f'żewġ gruppi, pilastru tekniku u pilastru tas-suq. Din il-proposta hija parti mill-pilastru tas-suq.

3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu dwar il-proposta fl-10 ta' Lulju 2013. Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjoni tiegħu fit-8 ta' Ottubru 2013.

4.

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-26 ta' Frar 2014.

5.

Fit-8 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill (Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija) laħaq ftehim (l-“approċċ ġenerali”) (2) dwar il-proposta dwar is-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija.

6.

Fid-19 ta' April 2016, intlaħaq qbil mal-Parlament Ewropew dwar test ta' kompromess.

7.

Fl-20 ta' Settembru 2016, il-Kunsill adotta qbil politiku (3) dwar it-test ta' kompromess.

8.

Filwaqt li jittieħed kont tal-qbil imsemmi hawn fuq u wara reviżjoni mill-Ġuristi-Lingwisti, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-17 ta' Ottubru 2016, f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja stabbilita fl-Artikolu 294 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

II.   OBJETTIV

9.

L-objettivi prinċipali tal-proposta huma li tittejjeb il-kwalità tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija f'każijiet fejn tali servizzi jiġu offruti bħala servizz pubbliku u biex tittejjeb l-effiċjenza operazzjonali ta' dawn is-servizzi.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

A)    Ġenerali

10.

Il-Kunsill iqis li s-sejħiet għal offerti kompetittivi għandhom ikunu l-opzjoni preferuta meta jiġu akkwistati servizzi ta' trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-ferrovija. Madankollu, id-daqs, l-organizzazzjoni u bosta karatteristiċi oħra tas-swieq tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri jvarjaw ħafna madwar l-Istati Membri kollha. Għalhekk, biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tal-proposta b'mod effettiv, derogi għall-prinċipju ta' offerti kompetittivi, jiġifieri għotjiet diretti, għandhom ikunu permessi f'ċerti każijiet u soġġetti għal kondizzjonijiet speċifiċi.

B)    Kwistjonijiet oħra ta' politika ewlenija

11.

Il-Kunsill iqis li l-għoti dirett ta' kuntratt ibbażat fuq il-prestazzjoni tal-provvista tas-servizz tkun iġġustifikata f'ċerti kondizzjonijiet għax dan jissodisfa l-objettivi ta' din il-proposta b'mod effettiv u effiċjenti. Dment li jiżguraw li l-proċess ikun trasparenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jagħtu tali kuntratti. Dawk il-kuntratti għandhom jiddefinixxu l-objettivi f'konformità mar-Regolament u l-indikaturi meħtieġa biex jiġu mmonitorjati dawn l-objettivi.

12.

Hemm ukoll każijiet oħra, bħall-emerġenzi, valuri baxxi ta' kuntratti jew sitwazzjonijiet tranżitorji bejn għotjiet kompetittivi, fejn għotjiet diretti huma adatti u fejn għandhom ikunu permessi, soġġetti għal kondizzjonijiet speċifiċi.

13.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti ffirmaw kuntratti li għadhom għaddejjin dwar il-provvista ta' servizzi tal-passiġġieri bil-ferrovija ma' impriżi ferrovjarji. Perijodu tranżitorju raġonevoli jinħtieġ biex tiġi żgurata ċertezza legali, biex jiġi evitat li jinkisru tali kuntratti jew li jinħtieġ kumpens għat-tmiem prematur tagħhom.

14.

Aċċess adatt għal rolling stock ferrovjarju jinħtieġ għall-provvista ta' servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk rolling stock ferrovjarju huwiex disponibbli fis-suq tagħhom. Filwaqt li jikkonformaw mar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex tiġi ffaċilitata l-provvista ta' rolling stock, jekk ikun meħtieġ.

IV.   KONKLUŻJONI

15.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tirrifletti l-kompromess maqbul bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bl-appoġġ tal-Kummissjoni.

16.

Dan il-kompromess huwa kkonfermat b'ittra mill-President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għat-Trasport u t-Turiżmu indirizzata lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Parti 1) fit-13 ta' Lulju 2016.

17.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tieħu kont sħiħ tal-proposta tal-Kummissjoni u tal-emendi proposti mill-Parlament Ewropew fl-ewwel qari. Għalhekk, il-Kunsill jemmen li l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tirrappreżenta pass kbir 'il quddiem lejn it-titjib tal-kwalità u l-effiċjenza tal-provvista tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija.


(1)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1.

(2)  Ara 12777/15 TRANS 317 CODEC 1308.

(3)  Ara 11202/16 TRANS 299 CODEC 1059.


OSZAR »