![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2025/415 |
24.3.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/415
tat-13 ta’ Diċembru 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-aġġustament tar-rekwiżit tal-fondi proprji u l-karatteristiċi minimi tal-programmi tat-testijiet tal-istress tal-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tat-tokens tal-flus elettroniċi
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(6), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 35(3) u (5) tar-Regolament (UE) 2023/1114 japplikaw ukoll għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li joħorġu tokens tal-flus elettroniċi sinifikanti, f’konformità mal-Artikolu 58(1), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-Regolament, għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li joħorġu tokens tal-flus elettroniċi li ma jkunux sinifikanti. |
(2) |
Meta l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw iċ-ċirkostanzi li jirrikjedu fondi proprji ogħla għall-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi, jenħtieġ li dawn jikkunsidraw l-impatt li falliment tat-tokens jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja, inkluż it-tifdijiet fuq skala kbira, l-iskattar tal-bejgħ bi prezzijiet ferm mraħħsa minħabba diffikultà finanzjarja tal-assi ta’ riżerva jew fil-ġbid ta’ depożiti, li potenzjalment jikkawżaw tfixkil sinifikanti fis-suq, konsegwenzi negattivi possibbli għall-finanzjament, u riskji sistemiċi fis-sistema finanzjarja kollha. |
(3) |
Minħabba n-novità tat-tokens irreferenzjati ma’ assi u tat-tokens tal-flus elettroniċi u tal-emittenti tagħhom, ma jeżisti l-ebda qafas universali ta’ valutazzjoni tar-riskju. Għalhekk, meta jiddeċiedu jekk żieda fir-rekwiżit ta’ fondi proprji hijiex ġustifikata, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-evalwazzjoni fuq kwalunkwe emittent rilevanti skont il-każ li jkun wara valutazzjoni wiesgħa tal-kriterji tar-riskju rilevanti kollha stabbiliti fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114. Il-ħtieġa ta’ żieda possibbli fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji jenħtieġ li tiddependi fuq ċirkostanzi speċifiċi għall-emittent. Jenħtieġ li l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi li jkunu soġġetti għal dawn ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji, dejjem ikunu kapitalizzati b’mod adegwat għar-riskji li jiffaċċjaw. L-informazzjoni storika u attwali rilevanti kollha disponibbli jenħtieġ li tintuża għall-valutazzjoni u l-evalwazzjoni wiesgħa msemmija. Ġeneralment, iż-żidiet fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji jenħtieġ li jintalbu biss meta jkun hemm grad ogħla ta’ riskju li ma jkunx diġà kopert, u l-miżuri tal-emittent rilevanti ma jkunux effettivi biżżejjed biex inaqqsu r-riskji. |
(4) |
Meta awtorità kompetenti tirrikjedi żieda fir-rekwiżiti ta’ fondi proprji tal-emittent tat-tokens, il-perjodu ta’ żmien ipprovdut għall-konformità ma’ din iż-żieda jenħtieġ li jkun qasir kemm jista’ jkun peress li l-emittent rilevanti, li japplika ġestjoni tar-riskju xierqa u effettiva, jenħtieġ li dejjem jkun kapitalizzat b’mod adegwat għar-riskji li jiffaċċja. |
(5) |
Meta awtorità kompetenti tikkonkludi li r-riskji, inkluża l-volatilità, ta’ token irreferenzjat ma’ assi partikolari jew ta’ token tal-flus elettroniċi jista’ jwassal għal deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent rilevanti jew iħalli impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tiegħu, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tistabbilixxi perjodu ta’ żmien iqsar għall-emittent rilevanti biex iżid il-fondi proprji. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi jieħdu deċiżjonijiet sodi dwar il-ġestjoni tar-riskju, dawn l-emittenti u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tagħhom jenħtieġ li jifhmu r-riskji finanzjarji u operazzjonali li jiġu maż-żieda fl-użu ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi. Barra minn hekk, jenħtieġ li jqisu l-interkonnessjonijiet mal-ekosistema tal-emittenti tat-tokens b’mod aktar wiesa’ u l-interkonnettività inerenti mas-settur finanzjarju tradizzjonali li tirriżulta mir-riżervi tal-assi miżmuma. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat aktar it-test tal-istress tar-riskju ta’ solvenza u ta’ likwidità tal-emittenti. |
(7) |
L-impatt tal-hekk imsejjaħ “riskju tal-potenzjal tal-irtirar tad-depożiti” (“run-risk”), li jfisser żieda f’daqqa fit-talbiet għat-tifdija tat-tokens, li tirriżulta f’bejgħ bl-għaġla tal-assi ta’ riżerva li jsostnu lit-tokens, jenħtieġ li tiġi analizzata permezz tat-test tal-istress tal-likwidità. Għalhekk, huwa essenzjali li jiġu speċifikati l-karatteristiċi minimi tat-test tal-istress tal-likwidità bħalma huma dawk relatati mal-governanza, l-infrastruttura tad-data, il-kategorizzazzjoni tar-riskju u l-frekwenza. |
(8) |
Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tat-test tal-istress jibqgħu rilevanti, jenħtieġ li t-test tal-istress ta’ solvenza jitwettaq fuq bażi trimestrali għall-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi sinifikanti jew tat-tokens tal-flus elettroniċi, u fuq bażi semiannwali għall-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi mhux sinifikanti jew tat-tokens tal-flus elettroniċi. It-test tal-istress tal-likwidità jenħtieġ li jitwettaq kull xahar. |
(9) |
It-test tal-istress jenħtieġ li jqis xenarji ta’ stress finanzjarju severi iżda plawżibbli u xenarji ta’ stress mhux finanzjarju, bħal xokkijiet tal-likwidità, xokkijiet tal-kreditu, xokkijiet tar-rati tal-imgħax u tal-kambju, riskju ta’ tifdija u xokkijiet operazzjonali u ta’ partijiet terzi. Jenħtieġ li jiżgura wkoll li l-arranġamenti ta’ governanza interna u l-infrastrutturi tad-data rilevanti jkunu fis-seħħ biex jippermettu lill-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi u lill-awtoritajiet kompetenti jifhmu l-karatteristiċi, jikkwantifikaw ir-riskji u jiġbru evidenza li dawn l-emittenti qegħdin effettivament jallokaw u jimmitigaw ir-riskju fuq bażi kontinwa. |
(10) |
Bħala prinċipju ta’ gwida, il-programmi tat-testijiet tal-istress jenħtieġ li jsegwu regoli u approċċ simili fir-rigward tat-test tal-istress tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Madankollu, meta jitqies li r-riskji tal-attivitajiet tal-kriptoassi pprovduti mill-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu huma differenti minn dawk tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, huwa meħtieġ li l-attivitajiet tal-kriptoassi jiġu raggruppati f’kategoriji ta’ riskju differenti għall-fini tat-test tal-istress. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-raggruppament tal-attivitajiet tal-kriptoassi u r-riskji jiżgura li l-emittenti tat-tokens rilevanti u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jidentifikaw il-funzjonijiet, il-proċessi u l-atturi kollha, flimkien mar-riskji assoċjati tagħhom inkluż kwalunkwe fattur ambjentali, soċjali u ta’ governanza, u jidentifikaw kwalunkwe kwistjoni jew riskju potenzjali. Dawn l-identifikazzjonijiet jenħtieġ li jiffaċilitaw it-tfassil u l-assenjazzjoni ta’ xenarji ta’ riskju speċifiċi ppreżentati fl-attivitajiet differenti tal-emittent rilevanti. Ix-xenarji jenħtieġ li jiġu definiti sew sabiex jiġi kkwantifikat l-impatt potenzjali tagħhom, il-firxa ta’ telf potenzjali u l-firxa ta’ plawżibbiltà assoċjata max-xenarji ta’ riskju speċifiċi identifikati. Għalhekk, meta l-emittent rilevanti jidentifika r-riskji speċifiċi, jenħtieġ li jispeċifika l-iskeda ta’ żmien tax-xenarju ta’ stress, li jenħtieġ li tkun ta’ tliet snin għat-test tal-istress tas-solvenza u sa sena għat-test tal-istress ta’ likwidità. |
(11) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). |
(12) |
L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika għall-emittenti li ġejjin tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi:
(a) |
l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi; |
(b) |
l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li joħorġu tokens tal-flus elettroniċi sinifikanti; |
(c) |
l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li joħorġu tokens tal-flus elettroniċi li ma jkunux sinifikanti, meta meħtieġ mill-awtorità kompetenti, skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114. |
Artikolu 2
Proċedura
1. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari (l-awtorità kompetenti) għandha tipprovdi lil emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi l-abbozz tad-deċiżjoni tagħha biex tirrikjedi ż-żieda fil-fondi proprji f’konformità mal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114 filwaqt li tqis kif xieraq il-fehmiet espressi mill-emittent rilevanti.
2. L-abbozz imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jistabbilixxi:
(a) |
l-ammont li bih iridu jiżdiedu l-fondi proprji u l-perċentwal li jkun ogħla mill-ammont ta’ riżerva ta’ assi li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 35(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2023/1114; |
(b) |
ir-raġunament rilevanti dwar il-grad ogħla ta’ riskju; |
(c) |
jekk dak il-grad ogħla ta’ riskju jistax ikollu impatt materjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent jew fuq l-istabbiltà finanzjarja ta’ sistema finanzjarja usa’; |
(d) |
jekk dak il-grad ogħla ta’ riskju huwiex indipendenti mill-governanza jew mill-mudell tan-negozju rilevanti tal-emittent; |
(e) |
il-perjodu ta’ żmien li fih l-emittent rilevanti għandu jżid il-fondi proprji tiegħu f’konformità mal-Artikolu 3. |
3. L-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandu jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar kwalunkwe wieħed mill-elementi msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien 25 jum tax-xogħol minn meta jirċievi l-abbozz.
4. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi bid-deċiżjoni finali tagħha li jkun fiha l-elementi elenkati fil-paragrafu 2.
5. L-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti, fi żmien 25 jum tax-xogħol minn meta jirċievi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4, pjan dettaljat dwar kif il-fondi proprji tiegħu għandhom jiżdiedu fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-awtorità kompetenti. Il-pjan għandu jkun fih dan li ġej:
(a) |
il-passi marbuta biż-żmien, miżuri u proċeduri speċifiċi biex titwettaq iż-żieda fil-perjodu ta’ żmien stabbilit; |
(b) |
il-konferma li l-użu previst tal-elementi u tal-istrumenti ta’ fondi proprji biex jikkonformaw mar-rekwiżit miżjud jissodisfa bis-sħiħ il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114. |
6. Meta l-perjodu ta’ żmien, imsemmi fl-Artikolu 3, stabbilit għat-tlestija taż-żieda fil-fondi proprji jkun itwal minn tliet xhur, l-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti fuq bażi ta’ kull xahar dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-pjan.
7. L-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandu jinforma lill-awtorità kompetenti minnufih f’każ li kwalunkwe pass jew proċedura ma tkunx tista’ titwettaq fil-perjodu ta’ żmien li jirrispetta r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.
8. L-awtorità kompetenti għandha tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-pjan.
9. Meta jitwaqqaf kulleġġ, kif imsemmi fl-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-awtorità kompetenti għandha żżomm lill-Awtorità Bankarja Ewropea mgħarrfa bl-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafi minn 2 sa 8, inkluż l-abbozz u d-deċiżjoni finali, il-pjan u kwalunkwe aġġornament rilevanti.
Artikolu 3
Perjodu ta’ żmien
1. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi perjodu ta’ żmien għall-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi biex jaġġusta għal rekwiżiti ogħla ta’ fondi proprji stabbiliti abbażi tal-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114, li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur min-notifika tad-deċiżjoni finali msemmija fl-Artikolu 2(4).
2. Meta l-awtorità kompetenti tistabbilixxi l-perjodu ta’ żmien għall-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi biex jaġġusta għal rekwiżiti ogħla ta’ fondi proprji, hija għandha tqis kwalunkwe grad ogħla potenzjali ta’ riskju li jista’ jkollu impatt materjali fuq l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema finanzjarja usa’ jew tal-emittent, u kwalunkwe nuqqas potenzjali fil-governanza jew fil-mudell tan-negozju tal-emittent rilevanti.
Artikolu 4
Kriterji
Meta tadotta d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra l-kriterji kollha tal-valutazzjoni tar-riskju li ġejjin:
(a) |
jekk l-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi hux probabbli li jikser ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 34(1), (8) u (10) u fl-Artikoli minn 36 sa 39 tar-Regolament (UE) 2023/1114 fi żmien 12-il xahar, billi tivvaluta jekk hemmx nuqqasijiet jew dgħufijiet potenzjali tal-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi meta jiġu applikati r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 34 u fl-Artikoli minn 36 sa 39 tar-Regolament (UE) 2023/1114; |
(b) |
jekk it-tifdija b’parità u bil-valur tas-suq hijiex żgurata f’ċirkostanzi normali jew f’ċirkostanzi tas-suq taħt stress; |
(c) |
jekk hemmx riskju akbar ta’ deterjorament sinifikanti fil-valur tal-assi ta’ riżerva jew tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi; |
(d) |
jekk ir-riskju operazzjonali jiżdiedx, li jirriżulta minn sistemi inkluż ir-reġistru distribwit sottostanti u kwalunkwe pjattaforma ta’ skambju, infrastruttura tas-suq jew sistema ta’ pagament użati għall-ħruġ jew għat-trasferiment tat-token u minn fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi ta’ partijiet terzi oħra bħal kustodji, li jistgħu jiddependu fuqhom it-tokens jew l-assi ta’ riżerva. |
Artikolu 5
It-tfassil tal-programm tat-testijiet tal-istress
1. L-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiżguraw li l-programm tagħhom tat-test tal-istress jkun vijabbli u realistiku, u li t-test tal-istress jirriżulta f’teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati, fil-livell maniġerjali kollu, dwar ir-riskji eżistenti u potenzjali kollha li jkollhom impatt materjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-emittent.
2. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jirrieżaminaw u jivvalutaw regolarment il-programm tat-testijiet tal-istress tagħhom biex jiddeterminaw l-effettività, ir-robustezza u l-adegwatezza tiegħu kemm fir-rigward tal-karatteristiċi tar-riskju tal-emittent rilevanti nnifsu kif ukoll fir-rigward tat-tokens rilevanti maħruġa u għandhom iżommuh aġġornat. Din il-valutazzjoni għandha ssir fuq bażi annwali u għandha tirrifletti bis-sħiħ il-kundizzjonijiet esterni u interni.
3. Meta jfasslu l-programm tat-testijiet tal-istress, l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jikkunsidraw l-elementi kollha li ġejjin:
(a) |
l-effettività tal-programm biex jintlaħqu l-għanijiet maħsuba tiegħu; |
(b) |
il-ħtieġa għal titjib; |
(c) |
il-fatturi ta’ riskju identifikati, ir-raġunament għax-xenarji rilevanti u t-tfassil tagħhom, is-suppożizzjonijiet tal-mudell u s-sensittività tar-riżultati għal dawn is-suppożizzjonijiet, kif ukoll ir-rwol ta’ ġudizzju espert biex jiġi żgurat li jkun akkumpanjat minn analiżi soda; |
(d) |
il-prestazzjoni tal-mudell, inkluża l-prestazzjoni tiegħu fuq data barra mill-kampjun, bħal data li ma ntużatx għall-iżvilupp tal-mudell; |
(e) |
kif jiġu inkorporati ċirki vizzjużi bejn is-solvenza u l-likwidità; |
(f) |
l-adegwatezza ta’ interkonnessjonijiet possibbli bejn it-testijiet tal-istress tas-solvenza u t-testijiet tal-istress tal-likwidità; |
(g) |
il-feedback riċevut mill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tat-testijiet tal-istress superviżorji jew ta’ testijiet tal-istress oħra; |
(h) |
l-adegwatezza tal-infrastruttura tad-data (l-implimentazzjoni tas-sistemi u l-kwalità tad-data); |
(i) |
il-livell xieraq tal-involviment tal-maniġment superjuri u tal-korp maniġerjali; |
(j) |
is-suppożizzjonijiet kollha inklużi s-suppożizzjonijiet tan-negozju u/jew maniġerjali, u l-azzjonijiet ta’ ġestjoni previsti, ibbażati fuq l-iskop, it-tip u r-riżultat tat-test tal-istress, inkluża valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-azzjonijiet ta’ ġestjoni f’sitwazzjonijiet ta’ stress u f’ambjent tan-negozju li qed jinbidel; |
(k) |
l-adegwatezza u t-trasparenza tad-dokumentazzjoni rilevanti. |
4. Il-programm ta’ test tal-istress għandu jiġi ddokumentat b’mod xieraq għat-tipi kollha ta’ testijiet tal-istress imwettqa.
5. Il-programm ta’ test tal-istress għandu jiġi evalwat fl-organizzazzjoni kollha kemm hi, pereżempju mill-kumitat tar-riskju u l-awdituri interni. L-unitajiet tan-negozju mhux responsabbli għat-tfassil u l-applikazzjoni tal-programm jew l-esperti esterni għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-valutazzjoni ta’ dan il-proċess, filwaqt li jqisu l-għarfien espert rilevanti għal suġġetti speċifiċi.
6. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiżguraw, kemm għat-tfassil inizjali kif ukoll għall-valutazzjoni tal-programm ta’ test tal-istress, li jkun seħħ djalogu effettiv bl-involviment ta’ esperti mill-oqsma tan-negozju kollha tal-emittent u li l-programm u l-aġġornamenti tiegħu jkunu ġew rieżaminati kif xieraq mill-maniġment superjuri u mill-korp maniġerjali tal-emittent, li jkunu responsabbli wkoll mill-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni u s-sorveljanza tiegħu.
Artikolu 6
Tip ta’ testijiet tal-istress
1. L-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi għandhom jimplimentaw it-test tal-istress tas-solvenza u t-test tal-istress tal-likwidità.
2. It-test tal-istress tas-solvenza għandu jkopri l-impatt ta’ ċerti żviluppi inklużi xenarji makroekonomiċi jew mikroekonomiċi, dwar il-pożizzjoni kapitali ġenerali tal-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi, inkluż fuq ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji minimi jew addizzjonali tiegħu, permezz tal-projezzjoni tar-riżorsi kapitali u r-rekwiżiti tal-emittenti, filwaqt li jiġu enfasizzati l-vulnerabbiltajiet tal-emittent u tiġi vvalutata l-kapaċità tiegħu li jassorbi t-telf u l-impatt fuq il-pożizzjonijiet ta’ solvenza tiegħu.
3. It-test tal-istress tal-likwidità għandu jkopri l-impatt ta’ ċerti żviluppi inklużi xenarji makroekonomiċi jew mikroekonomiċi, minn perspettiva ta’ riskju tas-suq u ta’ finanzjament kif ukoll ta’ xokkijiet għal-likwidità tar-riżerva ta’ assi u tal-pożizzjoni tal-likwidità ġenerali tal-emittent ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi, inkluż ir-rekwiżiti minimi jew addizzjonali ta’ likwidità tiegħu.
4. Id-disinn speċifiku, il-kumplessità u l-livell ta’ dettall tal-metodoloġiji tat-test tal-istress għandhom ikunu xierqa għan-natura tat-token irreferenzjat ma’ assi jew tat-token tal-flus elettroniċi, inklużi n-natura, l-iskala u d-daqs tad-drittijiet ta’ tifdija, kif ukoll il-kumplessità, il-konċentrazzjoni u l-kompożizzjoni tal-assi ta’ riżerva tiegħu.
Artikolu 7
Frekwenza minima tal-eżerċizzji differenti tat-testijiet tal-istress
1. Il-frekwenza tat-test tal-istress tas-solvenza għandha tkun mill-inqas trimestrali għall-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi sinifikanti, u fuq bażi semiannwali għall-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi mhux sinifikanti.
2. Il-frekwenza tat-test tal-istress tal-likwidità għandha tkun mill-inqas ta’ kull xahar għall-emittenti kollha tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi.
Artikolu 8
Arranġamenti ta’ governanza interna taħt l-eżerċizzji tat-testijiet tal-istress
1. Il-programm tat-testijiet tal-istress tal-emittent tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandu jiġi adottat mill-korp maniġerjali tiegħu, li għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-Regolament (UE) 2023/1114.
2. Il-programm tat-testijiet tal-istress għandu jinkludi valutazzjoni dwar jekk il-membri tal-korp maniġerjali, kollettivament, għandhomx għarfien, ħiliet u esperjenza suffiċjenti biex iwettqu dan kollu li ġej:
(a) |
jifhmu bis-sħiħ l-impatt tal-eventi ta’ stress fuq il-profil tar-riskju ġenerali tal-emittent; |
(b) |
jiżguraw li jkunu ġew assenjati u allokati responsabbiltajiet ċari u riżorsi suffiċjenti, bħal riżorsi umani kkwalifikati u sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, biex jitwettqu t-testijiet tal-istress; |
(c) |
jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’diskussjonijiet mal-persunal involut fit-testijiet tal-istress u ma’ persuni li lilhom jiġu esternalizzati kompiti relatati mat-testijiet tal-istress; |
(d) |
jivvalutaw b’mod kritiku s-suppożizzjonijiet ewlenin tal-immudellar, l-għażla tax-xenarju u s-suppożizzjonijiet sottostanti tat-testijiet tal-istress b’mod ġenerali; |
(e) |
jiddeċiedu dwar l-azzjonijiet ta’ ġestjoni meħtieġa u jiddiskutuhom mal-awtoritajiet kompetenti. |
3. Il-programm tat-testijiet tal-istress għandu jitfassal b’mod li jippermetti li t-testijiet tal-istress jiġu eżegwiti skont il-politiki u l-proċeduri interni rilevanti tal-emittent.
4. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiżguraw li l-elementi kollha tal-programm tat-testijiet tal-istress, inkluża l-valutazzjoni tiegħu, ikunu dokumentati kif xieraq u aġġornati regolarment, fejn rilevanti, fil-politiki u fil-proċeduri interni.
5. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiżguraw li t-tfassil tal-programm tat-testijiet tal-istress jipprevedi komunikazzjoni effettiva bejn il-linji operatorji u l-livelli ta’ ġestjoni, bl-għan li titqajjem kuxjenza, tittejjeb il-kultura tar-riskju u jinbdew diskussjonijiet dwar ir-riskji eżistenti u potenzjali kif ukoll dwar azzjonijiet ta’ ġestjoni possibbli.
6. Il-programm tat-testijiet tal-istress għandu jitfassal bħala parti integrali mill-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tal-emittent. It-testijiet tal-istress għandhom jitfasslu biex jappoġġaw deċiżjonijiet u proċessi kummerċjali differenti kif ukoll l-ippjanar strateġiku. Id-deċiżjonijiet strateġiċi għandhom iqisu n-nuqqasijiet, il-limitazzjonijiet u l-vulnerabbiltajiet identifikati waqt it-testijiet tal-istress.
7. L-outputs tat-testijiet tal-istress għandhom jintużaw bħala inputs għall-proċess tal-istabbiliment tal-aptit għar-riskju u l-limiti tal-emittent u għandhom jaġixxu bħala għodda ta’ ppjanar biex tiġi ddeterminata l-effettività ta’ strateġiji kummerċjali ġodda u eżistenti u jiġi vvalutat l-impatt possibbli fuq il-fondi proprji u l-likwidità.
Artikolu 9
Infrastruttura tad-data rilevanti għall-programmi tat-testijiet tal-istress
1. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiżguraw li l-programm tat-testijiet tal-istress ikun appoġġat minn infrastruttura tad-data adegwata u trasparenti.
2. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tad-data tagħhom ikollha l-kapaċità li taqbad il-ħtiġijiet estensivi tad-data tal-programm tat-testijiet tal-istress tagħhom u li jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi biex jiżguraw kapaċità kontinwa u konsistenti li jwettqu testijiet tal-istress kif ippjanat skont il-programm.
3. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tad-data tippermetti kemm flessibbiltà kif ukoll livelli xierqa ta’ kwalità u kontroll.
4. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiżguraw li l-infrastruttura tad-data tagħhom tkun proporzjonata għad-daqs, għall-kumplessità, u għar-riskju u għall-profil tan-negozju tagħhom, u tippermetti t-twettiq ta’ testijiet tal-istress li jkopru r-riskji materjali kollha li l-istituzzjoni tkun esposta għalihom.
5. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jiddedikaw biżżejjed riżorsi umani, finanzjarji u materjali biex jiggarantixxu l-iżvilupp u l-manutenzjoni effettivi tal-infrastruttura tad-data tagħhom, inklużi s-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.
Artikolu 10
Il-metodoloġija, il-parametri ta’ referenza komuni u l-plawżibbiltà tas-suppożizzjonijiet
1. L-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi għandhom jidentifikaw il-kategoriji tar-riskji li ġejjin:
(a) |
ir-riskji għall-valur, it-trasferibbiltà, il-likwidità, l-aċċessibbiltà jew l-iskambjabbiltà tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi u tal-assi ta’ riżerva; |
(b) |
ir-riskji li jirriżultaw minn sistemi, li jiddependi fuqhom it-token irreferenzjat ma’ assi jew it-token tal-flus elettroniċi, inkluż ir-reġistru distribwit sottostanti jew kwalunkwe teknoloġija oħra tat-token u kwalunkwe pjattaforma ta’ negozjar, infrastruttura tas-suq jew sistema ta’ pagament użata għall-ħruġ jew it-trasferiment tat-tokens; |
(c) |
ir-riskji li jirriżultaw mill-prestazzjoni ta’ arranġamenti kuntrattwali, li l-emittent rilevanti jkun daħal għalihom ma’ emittenti oħra, fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, istituzzjonijiet finanzjarji jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra, għall-ħruġ jew it-trasferiment tat-tokens jew għall-istabbiliment, il-ġestjoni, il-kustodja jew l-investiment tal-assi ta’ riżerva, inkluż kwalunkwe arranġament li bih l-emittent jesternalizza l-kompiti. |
2. Sabiex jiġu vvalutati r-riskji msemmija fil-paragrafu 1, l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jidentifikaw xenarji ta’ riskju speċifiċi bl-użu ta’ xenarji storiċi u/jew xenarji ipotetiċi fir-rigward tal-kategoriji ta’ riskju differenti msemmija fil-paragrafu 1.
3. Ix-xenarji ta’ riskju speċifiċi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu definiti sew u l-impatt potenzjali tagħhom għandu jkun kwantifikabbli.
4. Meta jidentifikaw ir-riskji speċifiċi, l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jispeċifikaw perjodu ta’ żmien ta’ 3 snin għall-eventi ta’ riskju relatati mat-test tal-istress tas-solvenza u sa sena għat-test tal-istress tal-likwidità, l-assi li jkun f’riskju u deskrizzjoni preċiża tax-xenarju tar-riskju.
5. L-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi jew tat-tokens tal-flus elettroniċi għandhom jikkwantifikaw jew ikollhom stimi approssimattivi tas-severità u l-plawżibbiltà tax-xenarji ta’ stress identifikati kif ukoll tat-telf potenzjali li jirriżulta minn dawn ix-xenarji.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 150 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.
(2) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/415/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)